Il-PN irid il-liġi tal-etika fil-ħajja pubblika llum qabel għada

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li qed jitnikker u mhux jgħaġġel  biex jippubblika l-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika.

Il-Gvern impenjat li jdaħħal din il-liġi matul il-leġislatura preżenti
Il-Gvern impenjat li jdaħħal din il-liġi matul il-leġislatura preżenti

L-Oppożizzjoni ddeskriviet din il-liġi bħala prijorità meħtieġa, biex tassigura li jkun hemm ħarsien tal-aġir korrett u etiku fil-ħajja pubblika, b’mod partikolari mill-Membri Parlamentari kollha, inklużi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

Fl-20 ta’ Mejju li għadda, il-gvern kien diġà ressaq l-ewwel qari ta’ din il-liġi, fuq proposta tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech issekondat mid-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech. Dan seħħ wara li nħatar kumitat tal-parlament biex dan l-abbozz isir bi qbil unanimu bejn iż-żewġ naħat. 

Iżda t-tħassib tal-PN wasal wara li f’laqgħa li saret f’Malta ma’ rappreżentanti tal-GRECO, li hija preċiżament l-organizzazzjoni li taħdem sabiex tiżgura l-ħarsien tal-istandards fil-ħajja pubblika, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern jinsab impenjat li jdaħħal din il-liġi fis-seħħ matul il-leġislatura preżenti. 

“Dan ifisser li l-Gvern jista’ jdum sa erba’ snin oħra sabiex idaħħal din il-liġi fis-seħħ!” ilmenta l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija. 

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll id-deputati Nazzjonalisti Francis Zammit Dimech u Ryan Callus.

L-Oppożizzjoni fakkret kif dan il-kumitat, maħtur wara l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u mozzjoni oħra mressqa mill-Viċi Prim Ministru, ħadem b’ritmu mgħaġġel u sas-16 ta’ Diċembru 2013 kien hemm qbil fuq rapport ad interim b’mod unanimu bejn il-membri kollha ta’ dak il-kumitat.

Fl-10 ta’ Jannar 2014, il-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb lill-Ispeaker biex jesprimi li l-Oppożizzjoni taqbel mal-linji ġenerali tal-istess rapport u ħeġġeġ sabiex jintemm ix-xogħol tal-kumitat u jitressaq minnufih l-abbozz finali għad-diskussjoni fil-Parlament.

L-istqarrija tgħid li wara l-ewwel qari ta’ Mejju li għadda, wieħed kien jistenna li l-Gvern jippubblika immedjatament l-abbozz tal-liġi u jqiegħdu għad-diskussjoni fil-Parlament.

“Minflok, issa nafu li l-Gvern kulma qiegħed jimpenja ruħu li jagħmel hu li jressaq u jiddiskuti dan l-abbozz xi darba matul l-erba’ snin li ġejjin. Dan assolutament mhux aċċettabbli u juri li l-Gvern ma jridx li jkun hemm strutturi adegwati biex jgħassu favur l-aġir korrett u etiku min-naħa tal-Membri Parlamentari, b’mod partikolari min-naħa tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari,” ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Politika