Fenech iwissi l-Gvern fuq in-nefqa u d-dejn

Tonio Fenech
Tonio Fenech

Il-Gvern qed jitlef il-kontroll tal-finanzi tal-pajjiż, saħaq l-eks Ministru Tonio Fenech fi stqarrija mibgħuta lil mezzi tax-xandir. Fenech qal li xhieda ta’ dan huma l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru żieda fid-defiċit u d-dejn tal-pajjiż. 

“Dan għamlu biex jikseb is-simpatija lejliet elezzjoni u biex jaqdi lil tal-qalba,” saħaq Fenech.

Hu esprima t-tħassib għall-fatt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€106 miljun u €29 minnhom qed imorru biex jiffinanzjaw il-pagi tal-akbar kabinett u tal-qalba.

“Filwaqt li madwar 15% taż-żieda fin-nefqa hija marbuta mal-mediċini, huwa ferm ta’ tħassib li d-doppju kienet dovuta għal żidiet sostanzjali f’dawn il-pagi, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi tal-ministeri differenti fi ħdan l-akbar kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna,” qal Fenech. 

Hu żied jgħid li dawn iċ-ċifri juru kif il-Gvern qed imur kontra l-impenn li ħa kemm mal-poplu Malti kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li jkompli fuq it-triq mibdija matul il-leġislatura li jitnaqqas id-defiċit ta’ pajjiżna. 

“Agħar minn hekk, joħloq tħassib qawwi fuq is-sostenibbiltà fuq medda itwal ta’ żmien tal-finanzi ta’ pajjiżna,” temm jgħid l-eks Ministru tal-Finanzi.

“Żidiet pjanati”

Iżda minn naħa l-oħra l-Gvern qal li ż-żidiet fin-nefqa kienu kollha pjanati u allokati fl-aħħar baġit. 

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi qal kif il-miri tal-Gvern qegħdin jintlaħqu u li n-nefqa minn Jannar sa Mejju 2014 kienet biss €4.5 miljun iktar minn dak li kien previst.

B’referenza għall-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministeru tal-Finanzi qal li fejn jidħlu pagi, iż-żieda hi konformi ma’ dak li kien previst minħabba żidiet lill-impjegati skont il-ftehim kollettiv.

L-istqarrija tkompli tgħid li ż-żieda fid-dħul mit-taxxi indiretti tikkonferma li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed tħalli aktar flus fil-but, li kienet qed tiġi riflessa f’żieda fil-kummerċ.

More in Politika