Ir-riżultat tal-elezzjoni f’Reporter

Ir-Riżultat tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew se jkun diskuss waqt il-programm Reporter li jixxandar għada filgħaxija fis-6.55pm fuq TVM.
Il-mistiedna ta’ Saviour Balzan din il-ġimgħa se jkunu Dr Toni Abela – Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Dr Beppe Fenech Adami – Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-verdett tal-poplu waqt l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se jkun diskuss flimkien ma’ Dr Abela u Dr Fenech Adami fil-karigi rispettivi tagħhom bħala Deputat Mexxej u Viċi Kap taż-żewġ partiti li mexxew kampanja politika intensiva matul il-ħames ġimgħat li għaddew. Kampanja li kienet iddominata fuq il-politika lokali u li tmexxiet miż-żewġ mexxejja bi ftit li xejn spazju allokat għal kandidati individwali. Sodisfatti bir-riżultat li nkiseb? X’inhuma l-kummenti fuq il-kandidati eletti? X’tibdil se jġib miegħu dan ir-riżultat fl-isfera politika lokali?
Reporter għandu produzzjoni u preżentazzjoni minn Saviour Balzan mgħejun mill-ġurnalist Frederick Attard. Il-programm ikollu ripetizzjoni għada stess fl-10.15pm fuq TVM 2.

 

More in Politika