Wied Dalam jerġa' jieħu l-ħajja bħala spazju aħdar ġdid f'Għar Dalam

Wied Dalam ġie restawrat u riġenerat biex joffri lill-viżitaturi spazju naturali ġdid fejn jesploraw il-pajsaġġ, il-wirt u l-bijodiversità ta’ madwar Għar Dalam f’Birżebbuġa

Wara xogħlijiet estensivi ta’ restawr, Wied Dalam ġie trasformat fi spazju ġdid għall-esplorazzjoni u l-iskoperta, li għall-ewwel darba qed jilqa’ lill-viżitaturi bħala parti minn esperjenza mtejba f’Għar Dalam u l-Mużew f’Birżebbuġa. Il-wied restawrat juri b’mod aktar ċar ir-rabta qawwija bejn l-għar, il-pajsaġġ ta’ madwaru u l-wirt naturali u preistoriku ta’ Malta.

Fil-qalba tal-proġett ta’ riġenerazzjoni kien hemm ir-restawr ekoloġiku tal-wied, li jkopri madwar 2,650 metru kwadru. Sforz ewlieni biex jintlaħaq dan l-għan kien ir-restawr tal-ħitan ta-sejjieħ tradizzjonali, eżempju ta’ wirt nazzjonali protett, flimkien mat-tneħħija sistematika ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ pjanti indiġeni mkabbra minn żerriegħa lokali. Megħjun b’sistema ta’ tisqija bit-taqtir biex jiġi żgurat li l-pjanti mħawla jibqgħu ħajjin tul dawn l-istadji bikrija, dan il-pajsaġġ imġedded issa jista’ joffri kenn lill-għasafar, ir-rettili u l-insetti indiġeni, u jħeġġiġhom jirritornaw u jiffjorixxu. 

L-aċċessibbiltà fil-wied tjiebet b’mod sinifikanti wkoll, prinċipalment permezz tat-tneħħija ta’ materjali perikolużi, fosthom briks u terrapien. Dan ippermetta l-ħolqien ta’ rotta sigura għall-viżitaturi, imsebbħa b’mogħdijiet imdawra b’ġebel tas-sejjieħ. Matul ix-xogħlijiet, is-sinifikat storiku, ambjentali u ekoloġiku tal-wied ġie mħares b’reqqa kbira, inkluż il-wirt industrijali, fejn pajpijiet tal-fjuwil tan-NATO mqiegħda fis-snin ħamsin inżammew u ġew integrati fil-proġett.

Dawn l-ispazji restawrati joffru lill-viżitaturi ambjent mimli paċi fejn jistgħu jitwaħħdu mal-pajsaġġ trankwill ta’ madwar Għar Dalam. Bankijiet tal-injam u librerija fil-miftuħ jistiednu lill-viżitaturi biex jieqfu ftit, jesploraw, u jgawdu l-ħemda tal-post, filwaqt li japprezzaw aktar il-valur ta’ dan is-sit tassew speċjali, li fih insibu fost l-eqdem evidenza ta’ ħajja u preżenza umana fil-Gżejjer Maltin.

Bħala estensjoni tal-esperjenza tal-viżitatur f’Għar Dalam, id-dħul għal dan l-ispazju ġdid huwa bla ħlas għat-tfal u l-anzjani kollha li għandhom il-Passaport tal-Istudenti jew il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta, li jinkludi wkoll id-dħul għal żewġ adulti li jakkumpanjawhom. B’inizjattivi bħal din, Heritage Malta qed tkompli tagħmel il-wirt kulturali u naturali għani tal-gżejjer tagħna aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

 

More in Kummer?jali