MeDirect b’riżultati b’saħħithom fl-ewwel nofs tal-2026 hekk kif it-tkabbir ikompli jaċċellera

Il-Bank MeDirect jerġa’ lura għall-profitt qabel it-taxxa ta’ €2.4 miljun, ikabbar il-balance sheet tiegħu b’9% għal €5.8 biljun, u jsaħħaħ il-bażi kapitali tiegħu taħt azzjonist ġdid

MeDirect illum irrapporta ritorn għall-profitt għas-sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2026, bi qligħ qabel it-taxxa ta’ €2.4 miljun, meta mqabbel ma’ telf qabel it-taxxa ta’ €3.9 miljun fl-istess perjodu tal-2025. Ir-riżultat kien sostnut minn tkabbir kontinwu fin-negozji ewlenin tal-Bank fis-self u retail u l-ġestjoni tal-ġid (jew kif inhu magħruf – wealth management), żieda ta’ 9% fil-balance sheet għal €5.8 biljun, u tisħiħ tal-bażi kapitali wara investiment addizzjonali mill-azzjonist ewlieni tiegħu.

Dawn is-sitt xhur kienu l-ewwel perjodu sħiħ ta’ rappurtar taħt Banka CREDITAS, parti mill-Grupp CREDITAS, li temm l-akkwist ta’ MeDirect f’Settembru tal-2025. Id-direzzjoni strateġika tal-Bank tibqa’ l-istess; l-investiment tal-azzjonist jagħtih il-mezzi biex iwettaq din l-istrateġija b’aktar ħeġġa. Din l-istrateġija hija mibnija fuq tliet pilastri:

  • il-konsolidazzjoni u t-tkabbir tal-pożizzjoni tiegħu fis-swieq ewlenin tiegħu fejn jopera;
  • l-użu tal-pjattaforma teknoloġika tiegħu biex jaċċellera l-implimentazzjoni tal-mudell tan-negozju tiegħu; u
  • l-bini ta’ profittabbiltà sostenibbli madwar iż-żewġ linji prinċipali tan-negozju tiegħu — retail banking inkluż il-wealth management, u servizzi bankarji għan-negozji (business banking).

Tkabbir fis-swieq u fil-linji tan-negozju

Il-balance sheet tal-Grupp kibret b’€481 miljun, jew 9%, għal €5.8 biljun, immexxija minn tkabbir fil-portafolli tal-home loans fil-Belġju, l-Olanda u Malta, kif ukoll żieda ta’ 40% fis-self lejn in-negozji f’Malta. Dan kien iffinanzjat prinċipalment minn depożiti tal-klijenti li telgħu għal €4.4 biljun.

In-numru ta’ klijenti reġistrati żdied b’madwar 15% matul is-sena għal madwar 184,000 klijent. Żdied ukoll il-perċentwali ta’ klijenti li għandhom prodotti ta’ investiment, filwaqt li kompliet tissaħħaħ il-preferenza għas-servizzi tal-wealth management tal-Bank.

L-attività tal-klijenti laħqet livelli rekord. Il-logins fil-pjattaforma teknoloġika żdiedu b’57% għal 6.87 miljun, filwaqt li l-klijenti wettqu kważi 400,000 transazzjoni ta’ investiment — kważi d-doppju tal-perjodu preċedenti. Aktar minn disgħa minn kull għaxar logins tal-klijenti issa jsiru permezz tal-mobile app, u dan jenfasizza s-suċċess kontinwu tal-istrateġija tal-Grupp li tagħti prijorità lill-mobile app.

Investiment fil-pjattaforma diġitali

Il-Bank kompla jinvesti fil-pjattaforma teknoloġika li fuqha hija mibnija l-offerta tiegħu ta’ servizzi bankarji diġitali u wealth management, billi wettaq titjib f’diversi servizzi matul dawn is-sitt xhur. Dawn inkludew l-introduzzjoni tas-SEPA Direct Debit u karti ta’ debitu għan-negozji, titjib fl-għodod tal-wealth management u tal-investimenti, kif ukoll aktar tisħiħ tas-sigurtà tal-pjattaforma u l-kapaċitajiet tagħha għall-prevenzjoni tal-frodi.

Il-pjattaforma żammet livell għoli ta’ disponibbiltà matul l-ewwel sitt xhur filwaqt li assorbiet żieda qawwija fl-attività tal-klijenti. Il-Bank għandu l-intenzjoni li jestendi aktar il-kapaċitajiet diġitali tiegħu fit-tieni nofs tas-sena, inkluż onboarding tal-klijenti b’approċċ li jagħti prijorità lill-mobile u servizzi ġodda ta’ konnettività għal klijenti korporattivi.

Bażi aktar b’saħħitha

Ir-ritorn għall-profitt ġie wara t-tlestija tal-proċess ta’ tnaqqis tar-riskju fil-balance sheet tal-Bank, filwaqt li l-kwalità tal-kreditu fil-portafolli ewlenin tiegħu baqgħet b’saħħitha u l-proporzjon ta’ self mhux produttiv tnaqqas għal 0.5%.

Il-Bank żamm livelli ta’ kapital u likwidità ogħla mir-rekwiżiti regolatorji, li ġew imsaħħa aktar matul il-perjodu permezz ta’ kontribut tal-kapital CET1 mill-azzjonist (CREDITAS).

F’Mejju 2026, MeDirect ingħata l-premju Digital Savings and Investing Platform Excellence Award 2026 (Europe) minn Capital Finance International. Dan ir-rikonoxximent ingħata bħala apprezzament għas-suċċess tal-Bank fl-offerta ta’ pjattaforma sigura, trasparenti u faċli biex tintuża, li tagħti lill-klijenti aktar valur għall-flus filwaqt li tipprovdilhom l-għodda meħtieġa biex jimmaniġġjaw huma stess it-tfaddil u l-investimenti tagħhom. Il-bord tal-ġudikanti enfasizza wkoll it-tkabbir fin-numru ta’ klijenti tal-Bank, is-saħħa finanzjarja tiegħu u l-qafas ta’ governanza aktar b’saħħtu.

Prospetti

MeDirect jidħol fit-tieni nofs tal-2026 b’momentum pożittiv f’kull wieħed mis-swieq tiegħu, b’bażi kapitali msaħħa u pjattaforma f’pożizzjoni tajba biex tappoġġja aktar tkabbir. Il-prijoritajiet tiegħu għall-bqija tas-sena huma li jkompli jkabbar in-numru ta’ klijenti tiegħu f’Malta u fil-Belġju, jkompli jsaħħaħ il-pjattaforma tas-servizzi diġitali bankarji u tal-investiment, u jibni profittabbiltà sostenibbli fil-linji ewlenin tan-negozju tiegħu.

Waqt li kkummenta dwar ir-riżultati, Jean-Claude Maher, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, qal: “Ir-ritorn għall-profittabbiltà fl-ewwel sitt xhur tas-sena jirrifletti s-saħħa tal-istrateġija tagħna u l-momentum pożittiv fin-negozju ewlieni tagħna. MeDirect jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha biex ikompli jikber, b’direzzjoni strateġika ċara, bażi kapitali aktar soda u bażi ta’ klijenti li qed tkompli tikber u tkun aktar attiva. Nibqgħu impenjati li kull jum niksbu u nżommu l-fiduċja tal-klijenti tagħna, billi noffru lill-individwi u n-negozji l-aqwa esperjenza possibbli fis-servizzi bankarji u tal-investiment. Nirringrazzjaw lill-klijenti tagħna tal-fiduċja u l-appoġġ kontinwu tagħhom."

Ir-Riżultati Interim ta’ MeDirect Bank (Malta) plc għall-perjodu li ntemm fit-30 ta’ Ġunju 2026 jinstabu fuq il-paġna tar-Relazzjonijiet mal-Investituri tal-Bank: https://www.medirect.com.mt/about-us/investor-relations/

 

MeDirect Bank (Malta) plc, numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija C34125, huwa regolat mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) u huwa liċenzjat biex iwettaq attivita’ bankarja skont l-Att dwar il-Banek (Kap. 371) u biex joffri servizzi ta’ investiment skont l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370). MeDirect Bank (Malta) plc huwa regolat mill-MFSA bħala Istituzzjoni ta’ Kreditu taħt l-Att dwar il-Banek tal-1994.

MeDirect Bank (Malta) plc, The Centre, Tigné Point, Tas-Sliema, TPO 0001, Malta.

More in Kummer?jali