Dr Geraldine Spiteri Lucas eletta President tal-Forum tar-Reġistri tan-Negozji (CRF)

Din il-ħatra saret formalment waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-organizzazzjoni li saret fit-Tuneżija aktar kmieni din il-ġimgħa.

Dr Geraldine Spiteri Lucas inħatret President tas-CRF, il-Forum tar-Reġistri tan-Negozji, li hija l-assoċjazzjoni globali għar-reġistri tan-negozji b'aktar minn 70 reġistru korporattiv minn madwar id-dinja u li jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiċi biex dejjem jgħollu l-istandards fis-settur tan-negozju.

Din il-ħatra saret formalment waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-organizzazzjoni li saret fit-Tuneżija aktar kmieni din il-ġimgħa.

Spiteri Lucas esprimiet il-gratitudni u s-sodisfazzjon tagħha għal din il-ħatra prestiġġjuża, filwaqt li enfasizzat li din il-kariga mhux biss tfisser pass importanti

personali għaliha, iżda hija wkoll kariga li ġġorr responsabbiltà kbira. Hija enfasizzat l-importanza li l-ġurisdizzjoni Maltija tiġi ppreżentata fuq ix-xena globali, biex jiġi żgurat li Malta tirċievi r-rikonoxximent li tassew jistħoqqilha.

Spiteri Lucas qalet: “Ninsab kuntenta u onorata li ġejt nominata bħala President tal-Forum tar-Reġistri tan-Negozji , l-ogħla pjattaforma għall-esperti u l-professjonisti tar-reġistri tan-negozju fejn niskambjaw ideat u ntejbu l-kollaborazzjoni internazzjonali, u l-aħjar prattiċi, globalment. Ħatra bħal din tirrifletti kemm Malta u r-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta huma apprezzati mill-kollegi internazzjonali fid-dawl tal-kisbiet sinifikanti matul l-aħħar ftit snin u kif intwera meta Malta ospitat il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Forum tar-Reġistri tan-Negozji sentejn ilu. Ninsab ħerqana għal dan ir-rwol li permezz tiegħu l-għan tiegħi huwa li niżgura li l-għarfien meħtieġ jiġi pprovdut biex ir-reġistri kollha jkunu fuq l-istess livell tal-istandards internazzjonali mfittxija mill-istituzzjonijiet internazzjonali, l-inkoraġġiment tal-iskambju ta’ esperjenzi kif ukoll li niżgura li Malta titqiegħed bħala punt ta’ referenza.”

Qabel il-ħatra tagħha bħala President, Spiteri Lucas serviet bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv tas-CRF u bħala President tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sjieda Benefiċjarja fi ħdan l-istess Forum tar-Reġistri tan-(CRF). Aktar kmieni din is-sena, taħt it-tmexxija tagħha, is-CRF iltaqa’ f’Malta u żviluppa sett ta’ kriterji li l-membri għandhom jissodisfaw fil-qasam tas-sjieda benefiċjarja. Flimkien ma’ din l-inizjattiva, Spiteri Lucas ospitat ukoll il-grupp ta’ ħidma magħruf bħala l-BO Working Group, li ġabar flimkien diversi reġistri kif ukoll leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea fejn kienet diskussa l-importanza tas-sjieda benefiċjarja f’kapaċità globali. 

Il-karriera distinta ta’ Spiteri Lucas fil-Liġi Korporattiva kif ukoll il-fatt li hija l-mexxejja ta’ Malta dwar is-Sjieda Benefiċjarja, tirrifletti l-kontribuzzjonijiet eċċellenti tagħha f’dan il-qasam fejn uriet l-impenn tagħha kemm għall-innovazzjoni kif ukoll għat-tmexxija fis-settur rispettiv. Il-ħidma tagħha kienet strumentali fejn ingħatat enfasi fuq l-importanza sinifikanti li jinżammu reġistri aġġornati u preċiżi fil-ġurisdizzjonijiet kollha, fattur ewlieni biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-fiduċja fil-governanza korporattiva. Spiteri Lucas, hija avukat fil-professjoni tagħha u hija r-Reġistratur tal-Kumpaniji u persuni ġuridiċi oħra u l-Kap Eżekuttiv tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta.

Spiteri Lucas esprimiet ukoll il-gratitudni tagħha lill-predeċessura tagħha, is-Sinjura Louise Smyth, eks CEO ta’ UK Companies House, għax-xogħol dedikat u t-tmexxija

tagħha fl-avvanz tal-missjoni CRF.

Bħala President, Spiteri Lucas se sservi mandat inizjali ta’ sentejn, li matulu se tkun qed tara li jitlesta l-programm ambizzjuż ta’ trasformazzjoni tas-CRF li hu mifrux fuq

ħames snin. Hija se jkollha wkoll rwol ċentrali biex tiżgura l-parteċipazzjoni attiva tal-membri tas-CRF fl-inizjattiva globali Registry Insights.

Meta ħabbar din il-ħatra, is-Segretarju Ġenerali tal-Forum għar-Reġistri tan-Negozji Martin Fidler Jones qal: "Huwa unur kbir li nilqgħu lil Dr Spiteri Lucas bħala l-President tal-assoċjazzjoni globali tagħna. Dr Spiteri Lucas malajr stabbiliet ruħha fostna bħala vuċi ta' fiduċja fejn jidħlu kwistjonijiet tar-reġistru tan-negozji fuq livell internazzjonali u wriet tmexxija tajba".

 

More in Kummer?jali