Dan l-avveniment, li sar Ta’ Qali, offra l-akbar sfida li qatt ħabbtu wiċċhom magħha s-sewwieqa ta’ dan il-Kampjonat, b’temperaturi għoljin li laħqu t-38°C, tant li din kien l-iżjed jum sħun ta’ Ġunju mill-2007 ’l hawn. Fabri u t-tim tiegħu raw li jixorbu kemm jifilħu matul il-ġurnata biex jibqgħu ffukati fuq il-kompetizzjoni. Minħabba din il-qilla tas-sħana, kellhom problema bl-injectors li naqqset il-ġibda tal-magna. L-esperjenza u l-ħila tagħhom biex jadattaw il-karozza għal kwalunkwe sitwazzjoni li jiltaqgħu magħha huma wieħed mill-fatturi b’saħħithom li tpoġġi lit-tim tal-Enemed Supra fl-ewwel post imma, fuq kollox, il-ħiliet ta’ Fabri fit-tlielaq jagħmluh iċ-champion.
Meta Fabri u t-tim tiegħu ndunaw li kellhom kemxejn inqas saħħa, Fabri aġġusta l-istil tas-sewqan tiegħu ħalli l-karozza tmur fid-direzzjonijiet it-tajba bl-angoli u l-veloċità xierqa. Hu uża aktar manuvri aggressivi u l-momentum tal-karozza ħalli jikseb skor għoli. Din il-bidla fit-teknika wasslet ukoll lil Fabri fl-ewwel post fil-kwalifiki tan-90.5 Point Run.
It-tħejjija hija importanti ħafna u l-fattur ewlieni li jiddistingwi lil Fabri u lill-Enemed Supra tiegħu mis-sewwieqa l-oħra. Qabel kull tellieqa, Fabri u l-kollegi tiegħu jħejju l-karozza bil-manutenzjoni meħtieġa, li tinkludi bidliet fil-magna, fil-gearbox u ż-żejt. Imbagħad il-karozza titqiegħed fuq ġakk għal spezzjoni tal-viti u l-boltijiet, jitwaħħlulha tyres ġodda mar-rimmijiet, u tinħasel minn barra u minn ġewwa biex jitneħħa l-ħmieġ li jkun għad fadal mit-tiġrijiet ta’ qabel. Dawk il-partijiet utli li tista’ ssirilhom il-ħsara waqt it-tellieqa, u l-lubrikant żejjed, jiġu ppakkjati għall-jum tat-tellieqa.
Il-pro-drifter aspiranti jħejji ruħu mentalment għal kull tellieqa billi jqisha daqs l-ewwel waħda tiegħu, lil hinn minn xi jkun ġara fit-tlielaq ta’ qabel il-kompetizzjoni. Imma, flimkien mat-tim, janalizza l-prestazzjoni tiegħu waqt it-tellieqa u jniżżel kulma jinnota li seta’ għamel aħjar biex jevita l-iżbalji li jkun għamel.
Fix-xhur li ġejjin, Fabri u t-tim tiegħu se jieħdu ftit żmien ta’ mistrieħ biex janalizzaw, jippjanaw u jiżviluppaw l-Enemed Supra għat-tellieqa li jmiss, li se ssir f’Settembru. Din il-waqfa qasira tas-sajf mhux biss se sservi ta’ pawsa fiżika imma wkoll se tħares il-magna tal-Enemed Supra mis-sħana. Madankollu, il-ħidma tkompli xorta waħda, għax Fabri u t-tim tiegħu bħalissa qed jiżviluppaw magna aktar b’saħħitha li tista’ toqgħod fuqha u chassis iprem minn dik li qed jużaw bħalissa.
Il-mira tagħna għal dis-sena hija li nkomplu fejn ħallejna fit-Tieni Round, billi nżommu l-karozza affidabbli u b’saħħitha kemm jista’ jkun, u għalija biex niftakar u nara li ma nerġax nirrepeti l-iżbalji li għamilt.
Andrea Fabri
Għall-aġġornamenti fuq l-Enemed Supra u t-tiġrijiet tad-drifting li jmiss, segwi lil Andrea Fabri fuq www.facebook.com/andrea.fabri.motorsports/ u lill-Enemed fuq www.facebook.com/enemed.fuels/