HSBC Malta jirbaħ il-premju Bank tas-Sena għall-2016 tal-magażin ‘The Banker’

Il-Bank HSBC Malta kien onorat bit-titlu ta’ Bank tas-Sena f’Malta għall-2016 waqt ċerimonja tal-għoti tal-unuri tal-magazin ‘The Banker’, li hi pubblikazzjoni tal-Financial Times. L-unur jirrikonoxxi l-fatt li HSBC Malta kiseb suċċess fil-ħeffa ta’ kif biddel il-mudell tan-negozju tiegħu biex jirnexxi f’ambjent bankarju mibdul, ikkaratterizzat minn bidliet regolatorji aktar stretti u obbligazzjonijiet għal konformità aktar iebsa filwaqt li kompla joffri appoġġ għat-tkabbir lill-ekonomija b’mod responsabbli.   

L-unur kien ippreżentat lill-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane u liċ-Chairman Sonny Portelli waqt ċerimonja li saret f’Londra. Preżenti wkoll kien hemm grupp ta’ impjegati minn għadd ta’ dipartimenti tal-Bank. 

Andrew Beane qal: “Dan l-unur hu xhieda tax-xogħol siewi, professjonalità u dedikazzjoni tal-kollegi kollha tiegħi u għalhekk nixtieq niddedika dan il-premju lilhom. Aħna fassalna strateġija ġdida għal bank fil-bidu tas-sena 2016 u kuntent li l-progress li ksibna matul dan il-perjodu qasir qed ikun rikonoxxut b’dan il-mod. Il-qofol tas-servizzi bankarji dejjem ser ikunu bbażati fuq li noffru servizz lill-klijenti permezz ta’ relazzjoni fit-tul mibnija fuq il-fiduċja, imma llum dan jista’ jinkiseb biss meta jintlaħqu l-istandards regolatorji u ta’ konformità.” 

Hu żied jgħid: “Filwaqt li l-klijenti tagħna ser jagħrfu li HSBC ser ikun qed jistaqsi għal aktar tagħrif milli huma mdorrijin bih fil-passat, l-impenn tagħna biex inżommu l-ogħla standards ta’ konformità ser tagħtihom is-serħan tal-moħħ li l-bank tagħhom hu b’saħħtu u sikur. Dan l-unur juri b’mod ċar li ninsabu fuq quddiem nett ta’ dan il-qasam f’Malta u li qed nipproteġu t-tkabbir tal-ekonomija fil-futur.”

Il-premju ‘Bracken Award’, imsemmi wara Lord Bracken, il-fundatur u editur ta’ ‘The Banker’ fl-1926 u ċ-Chairman tal-Financial Times mill-1945 sal-1958, kien ippreżentat lill-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane waqt ċerimonja f’Londra. Il-‘Bracken Award’ hu meqjus bħala l-‘Oscar’ fl-industrija internazzjonali tas-servizzi finanzjarji.

More in Kummer?jali