L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-prattiki ta’ kumpaniji ewlenin fis-settur tal-logħob elettroniku, fosthom Sony, biex jiġi stabbilit jekk dawn humiex qed jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi Ewropej.
It-talba saret fid-dawl ta’ kontroversja dwar il-bejgħ tal-logħba tant mistennija Grand Theft Auto VI (GTA VI), wara tħassib li l-konsumaturi jistgħu jixtru l-logħba f’kaxxa tradizzjonali, iżda minflok kopja fiżika jsibu biss kodiċi biex iniżżluha mill-internet.
Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa, Agius Saliba sostna li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b’mod ċar dwar dak li jkunu qed jixtru, partikolarment meta prodott jinbiegħ f’ippakkjar li normalment ikun assoċjat ma’ kopja fiżika.
Huwa insista li l-ippakkjar għandu jindika b’mod ċar jekk il-kaxxa jkunx fiha l-logħba f’format fiżiku jew sempliċement kodiċi biex titniżżel b’mod diġitali.
Jistaqsi jekk il-konsumaturi humiex tassew sidien tal-logħob li jixtru
Lil hinn mill-kwistjoni tal-ippakkjar, l-Ewroparlamentari qajjem ukoll tħassib dwar id-drittijiet ta’ dawk li jixtru logħob elettroniku f’format diġitali.
Skont Agius Saliba, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-konsumaturi humiex tassew qed jakkwistaw is-sjieda tal-logħob li jixtru, jew jekk humiex sempliċement jingħataw aċċess għalih għal perjodu li jista’ jiġi limitat mill-kumpaniji.
Huwa wissa li kumpanija tista’ tiddeċiedi li tagħlaq is-servers tagħha wara diversi snin, bil-konsegwenza li konsumatur jispiċċa ma jkunx jista’ juża logħba li jkun diġà ħallas għaliha.
Għalhekk, Agius Saliba qed jitlob li fil-livell Ewropew jiġu stabbiliti regoli ċari dwar id-drittijiet marbuta max-xiri tal-logħob elettroniku, kif ukoll garanziji dwar kemm il-konsumaturi għandhom jibqgħu jistgħu jaċċessaw il-prodotti li jkunu xtraw.
Tħassib dwar il-kontroll tas-suq minn kumpaniji kbar
L-Ewroparlamentari esprima wkoll tħassib dwar il-possibbiltà li d-distribuzzjoni tal-logħob elettroniku tkun ikkontrollata minn numru limitat ta’ kumpaniji kbar.
Huwa sostna li l-bidla lejn il-bejgħ diġitali qed tnaqqas ir-rwol tal-ħwienet tradizzjonali tal-logħob elettroniku, li qed ikollhom sehem dejjem iżgħar f’dan is-suq.
Agius Saliba ġibed l-attenzjoni wkoll għall-prezzijiet għoljin li l-konsumaturi qed jintalbu jħallsu għal dawn il-logħob, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza u protezzjoni.
Permezz tat-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, l-Ewroparlamentari qed jinsisti li jiġu eżaminati dawn il-prattiki u, fejn meħtieġ, jiġu introdotti salvagwardji leġiżlattivi biex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq diġitali.
Skont l-informazzjoni uffiċjali ta’ Rockstar Games, il-kaxxa tal-verżjoni fiżika ta’ GTA VI tinkludi kodiċi għat-tniżżil tal-logħba, u mhux mezz fiżiku li minnu tista’ tintlagħab