L-Ewroparlamentari Peter Agius talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga rapporti ta’ żbalji lingwistiċi f’eżamijiet bil-Malti li jsiru minn kandidati li jixtiequ jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
It-talba saret wara li kandidati Maltin irrappurtaw żbalji grammatikali u sintattiċi, kif ukoll mistoqsijiet miktuba b’Malti mhux naturali, f’testijiet riċenti tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).
Skont Agius, dawn in-nuqqasijiet jistgħu jpoġġu lill-kandidati Maltin fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk minn Stati Membri oħra, partikolarment minħabba li l-eżamijiet iridu jitlestew f’ħin limitat.
“Ma nistax naċċetta li kandidati Maltin jitilfu l-ħin minħabba Malti ħażin. Kulħadd jistħoqqlu opportunità ġusta biex juri l-kapaċitajiet tiegħu, mingħajr ma jkollu joqgħod jipprova jifhem mistoqsijiet ifformulati ħażin,” qal Agius.
Jistaqsi jekk l-intelliġenza artifiċjali tintużax fit-traduzzjoni
F’mistoqsija parlamentari bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea, Agius talab spjegazzjoni dwar il-mod kif jitħejjew it-testijiet tal-EPSO bil-Malti.
Fost l-oħrajn, huwa jrid ikun jaf jekk tintużax l-intelliġenza artifiċjali biex mistoqsijiet jiġu tradotti mill-Ingliż għall-Malti jew biex jinħolqu t-testijiet.
L-MEP talab ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ traduzzjoni, qari tal-provi u kontroll tal-kwalità li jsiru qabel l-eżamijiet jingħataw lill-kandidati.
Huwa qed jinsisti li l-Kummissjoni tinvestiga l-problemi rrappurtati u, fejn ikun meħtieġ, tagħmel rieżami tat-testijiet li setgħu ġew affettwati minn dawn l-iżbalji.
Agius qed jipproponi wkoll li t-testijiet futuri bil-Malti jiġu ċċekkjati minn esperti kwalifikati fil-lingwa Maltija qabel ma jintużaw fil-proċess ta’ reklutaġġ.
Kwistjoni ta’ trattament ugwali, jgħid Agius
L-Ewroparlamentari sostna li l-kwalità tal-lingwa użata fl-eżamijiet mhijiex biss kwistjoni ta’ traduzzjoni, iżda tista’ taffettwa direttament l-opportunitajiet tal-kandidati Maltin.
Huwa qal li l-kandidati għandhom jiġu evalwati skont il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom, u mhux fuq kemm jirnexxilhom jinterpretaw mistoqsijiet miktuba ħażin.
“Din hija kwistjoni ta’ trattament ugwali u ta’ fiduċja fis-sistema ta’ reklutaġġ tal-UE. Il-kandidati għandhom jiġu evalwati fuq il-kapaċitajiet tagħhom, u mhux jitqiegħdu fi żvantaġġ minħabba żbalji lingwistiċi,” sostna Agius.
Huwa żied li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi x’wassal għal dawn il-problemi u tiżgura li jkun hemm salvagwardji biex sitwazzjonijiet simili ma jerġgħux iseħħu.
Agius fakkar li l-Malti huwa wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jintuża b’mod korrett u professjonali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej.