Il-Kappella tal-Konfraternità tal-Madonna tad-Duluri fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata ngħalqet b’effett immedjat wara rapporti ta’ atti ta’ vandaliżmu u attentati biex jinfetħu oqbra li jinsabu fiha.
Dan tħabbar mill-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu, li esprimew it-tħassib tagħhom dwar dawn l-inċidenti, filwaqt li saħqu li tali aġir juri nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-mejtin.
Il-patrijiet wissew ukoll li dawn l-atti jistgħu joħolqu riskji għas-saħħa pubblika.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-kappella mhux se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku bħalma kienet qabel, iżda se tkun tista’ tintuża biss għall-quddies organizzati minn gruppi partikolari, pellegrinaġġi parrokkjali jew komunitajiet reliġjużi.
Biex isiru dawn l-attivitajiet, se jkun meħtieġ il-permess minn qabel tal-Pirjol.
Il-Pirjol u l-Patrijiet Dumnikani appellaw għall-fehim u l-koperazzjoni tal-pubbliku, filwaqt li spjegaw li d-deċiżjoni ttieħdet biex titħares id-dinjità tal-kappella u r-rispett lejn dawk midfuna fiha.