B’kollox hemm 297 applikazzjoni għal sussidju marbut ma’ assistent personali li għadhom qed jiġu pproċessati, bl-applikanti għadhom qed jistennew deċiżjoni finali dwar l-eliġibbiltà tagħhom.
Dan ħareġ minn tweġiba parlamentari tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, għal mistoqsija tad-deputata tal-Oppożizzjoni Graziella Galea.
Il-Ministru spjegat li bħalissa hemm 83 applikazzjoni li jinsabu fi stadji differenti tal-proċess ta’ assessjar, filwaqt li 214-il applikazzjoni oħra għadhom qed jiġu pproċessati sabiex ikun jista’ jibda l-assessjar tagħhom.
Farrugia qalet li l-applikazzjonijiet jgħaddu minn diversi stadji qabel tittieħed deċiżjoni finali dwar jekk persuna tikkwalifikax għas-sussidju.
Hija spjegat li, minbarra l-assessjar, il-proċess jinkludi wkoll l-allokazzjoni tal-fondi mill-bord responsabbli, u li sa ma jitlestew dawn il-proċeduri l-applikanti jibqgħu jistennew deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tagħhom.
Fit-tweġiba tagħha, il-Ministru ma speċifikatx kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet, u lanqas kemm hu ż-żmien medju li persuna jkollha tistenna biex tingħata deċiżjoni.