Saċerdoti u ħaddiema fil-parroċċi se jitħarrġu biex jagħrfu s-sinjali tad-dimensja

Ftehim bejn l-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali u l-AACC għandu jgħin lill-komunitajiet parrokkjali jagħtu appoġġ aħjar lill-persuni bid-dimensja u lill-familji tagħhom

Saċerdoti, ħaddiema fil-parroċċi u persuni oħra involuti fil-ħidma tal-Knisja f’Malta se jingħataw taħriġ dwar id-dimensja, bil-għan li jkunu jistgħu jagħrfu aħjar il-bżonnijiet ta’ persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni u jgħinu lill-familji tagħhom isibu l-appoġġ meħtieġ.

L-inizjattiva se ssir permezz ta’ ftehim bejn l-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali (PFI) tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Active Ageing and Community Care (AACC).

Il-programm għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar id-dimensja u l-prevenzjoni tagħha, filwaqt li jagħti għodod prattiċi lil dawk li, permezz tal-ħidma tagħhom fil-parroċċi u fl-għaqdiet reliġjużi, ikunu f’kuntatt regolari ma’ persuni anzjani.

Dan hekk kif il-parroċċi ħafna drabi jkunu fost l-ewwel postijiet fejn persuni anzjani u l-familji tagħhom ifittxu għajnuna, parir jew sempliċement lil xi ħadd li jismagħhom.

Kif jagħrfu l-bżonnijiet ta’ persuni bid-dimensja

It-taħriġ se jiffoka fuq x’inhi d-dimensja, kif taffettwa lill-persuna u lil dawk ta’ madwarha, u l-aħjar modi kif wieħed jista’ jikkomunika ma’ persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Dawk li jipparteċipaw se jitgħallmu wkoll kif jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn persuna anzjana jew il-familja tagħha jista’ jkollhom bżonn għajnuna addizzjonali.

F’dawn il-każijiet, ikunu jistgħu jidderieġuhom lejn is-servizzi professjonali offruti mill-AACC.

Skont il-ftehim, l-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali se jipprovdi l-post fejn isiru s-sessjonijiet u l-appoġġ loġistiku, filwaqt li l-AACC se tkun responsabbli mit-trejners.

“Il-kura m’għandhiex tieqaf mal-bibien ta’ istituzzjoni”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista saħaq li l-appoġġ lil persuni vulnerabbli għandu jasal ukoll fil-komunitajiet fejn jgħixu.

Huwa sostna li l-kura m’għandhiex tieqaf mal-bibien tal-istituzzjonijiet, iżda għandha tkun parti mill-ħajja ta’ kuljum fil-lokalitajiet.

Debattista qal li din il-kollaborazzjoni għandha tgħin biex jinħolqu komunitajiet aktar inklużivi għal persuni bid-dimensja u l-familji tagħhom.

“Il-memorja tista’ tiddgħajjef, iżda d-dinjità tal-persuna m’għandha tintesa qatt,” sostna.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-PFI, Mons. André Zaffarese, qal li l-Knisja dejjem kienet qrib il-persuni vulnerabbli u l-familji tagħhom.

Huwa spjega li permezz ta’ dan it-taħriġ, dawk involuti fil-ħidma pastorali se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħrfu l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni u joffru appoġġ b’rispett u sensittività.

It-taħriġ jibda fil-jiem li ġejjin

Il-ftehim ġie ffirmat minn Mons. André Zaffarese u l-Kap Eżekuttiv tal-AACC Michael Farrugia, fil-preżenza tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.

Is-sessjonijiet ta’ taħriġ mistennija jibdew fil-jiem li ġejjin.

Dawk interessati li jirreġistraw jew jiksbu aktar informazzjoni jistgħu jżuru s-sit elettroniku tal-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali fuq pfi.edu.mt/dementia-awareness.

More in Kronaka