Qtugħ tad-dawl l-akbar problema għan-negozji turistiċi f’Għawdex matul is-sajf

Stħarriġ tal-Gozo Tourism Association juri li kważi 65% tan-negozji semmew il-qtugħ tal-elettriku bħala waħda mill-isfidi ewlenin, filwaqt li l-ispejjeż dejjem jiżdiedu, it-traffiku u n-nuqqas ta’ ħaddiema komplew jagħmlu pressjoni fuq is-settur

Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku kien l-akbar sfida li ffaċċjaw in-negozji turistiċi f’Għawdex matul is-sajf li għadda, hekk kif 64.6% tal-operaturi li ħadu sehem fi stħarriġ tal-Gozo Tourism Association (GTA) identifikaw din il-problema bħala waħda mill-aktar diffikultajiet serji li kellhom jiffaċċjaw.

L-istħarriġ, li analizza l-andament tas-settur turistiku bejn Ġunju u Settembru 2026 u qabblu mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, juri li l-problemi fil-provvista tal-elettriku kienu fuq quddiem nett fost it-tħassib tan-negozji.

Ir-riżultati jaslu wara sajf li matulu Għawdex esperjenza qtugħ estensiv tad-dawl, fosthom f’Awwissu, meta aktar minn nofs il-gżira spiċċat mingħajr elettriku għal perjodu twil minħabba ħsarat fil-cables tal-provvista.

Dakinhar kellhom jintużaw generators mobbli biex tingħata provvista temporanja waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tiswija.

Fl-istħarriġ ħadu sehem operaturi minn diversi oqsma turistiċi, fosthom stabbilimenti tal-akkomodazzjoni, ristoranti, ċentri tal-għadis, attrazzjonijiet turistiċi, operaturi tat-trasport u aġenziji tal-ivvjaġġar.

L-ispejjeż, it-traffiku u n-nuqqas ta’ ħaddiema fost l-akbar diffikultajiet

Minbarra l-qtugħ tad-dawl, 63% tan-negozji indikaw iż-żieda fl-ispejjeż operattivi bħala waħda mill-isfidi ewlenin tagħhom.

Il-konġestjoni tat-traffiku u n-nuqqas ta’ ħaddiema ssemmew minn 52.3% tar-rispondenti rispettivament, filwaqt li 50.77% qalu li x-xogħlijiet infrastrutturali u tal-kostruzzjoni kienu qed joħolqu diffikultajiet.

Ix-xogħlijiet fit-toroq ta’ Marsalforn ġew identifikati speċifikament minn 36.9% tan-negozji, filwaqt li 32.3% semmew l-Iskills Pass u 23% indikaw il-burokrazija amministrattiva.

L-ebda wieħed min-negozji li wieġbu għall-istħarriġ ma qal li għadda s-sajf mingħajr ma ffaċċja xi sfida.

Kważi negozju minn kull ħamsa tilef xogħol minħabba l-kostruzzjoni

L-istħarriġ eżamina wkoll l-effetti tax-xogħlijiet infrastrutturali u tal-kostruzzjoni li saru matul ix-xhur tas-sajf, b’diversi operaturi jilmentaw dwar storbju, trab u tfixkil fl-ambjent tal-madwar.

B’kollox, 52.6% tar-rispondenti semmew il-konġestjoni tat-traffiku bħala problema marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li 49% irrappurtaw diffikultajiet ta’ parkeġġ.

Madwar 40% qalu li x-xogħlijiet ikkawżaw inkonvenjent lill-klijenti tagħhom, filwaqt li 31.5% indikaw li l-aċċess għall-istabbilimenti tagħhom sar aktar diffiċli.

Aktar minn hekk, 19.3% tan-negozji rrappurtaw kanċellazzjonijiet jew telf ta’ negozju bħala konsegwenza tax-xogħlijiet.

Żieda fid-dħul għal xi negozji, iżda mhux neċessarjament minħabba aktar turisti

Minkejja dawn l-isfidi, l-andament finanzjarju tas-settur matul is-sajf kien imħallat.

Kważi nofs in-negozji, jew 47.6%, iddeskrivew id-dħul tagħhom bħala medju, filwaqt li 40% qalu li kien tajjeb u 12.3% ikklassifikawh bħala ħażin.

Meta mqabbel mas-sajf tal-2025, 38.5% tan-negozji rrappurtaw li d-dħul tagħhom baqa’ l-istess, filwaqt li 36.9% irreġistraw żieda u 24.6% qalu li esperjenzaw tnaqqis.

Fost dawk li rrappurtaw żieda fid-dħul, madwar 66% attribwewha għal prezzijiet ogħla, filwaqt li 56% semmew żieda fin-numru ta’ klijenti.

Strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni aħjar ġew identifikati minn 34.48%, filwaqt li 12.5% attribwew iż-żieda għall-introduzzjoni ta’ servizzi jew offerti ġodda.

Min-naħa l-oħra, fost in-negozji li raw tnaqqis fid-dħul, 77% qalu li l-klijenti kienu qed jonfqu inqas.

Kompetizzjoni akbar issemmiet minn 45.5% ta’ dawn l-operaturi, filwaqt li 41% irrappurtaw tnaqqis fin-numru ta’ klijenti.

Appell għal turiżmu li jħalli aktar benefiċċji f’Għawdex

L-istħarriġ staqsa wkoll lill-operaturi x’miżuri jistgħu jgħinu biex Għawdex jattira viżitaturi li jonfqu aktar u joħloq opportunitajiet ġodda għan-negozji.

Fost il-proposti kien hemm promozzjoni aktar b’saħħitha ta’ Għawdex bħala destinazzjoni għal żjarat itwal, konnettività aħjar, titjib fl-infrastruttura u fit-trasport pubbliku, aktar indafa u ġestjoni aktar effettiva tat-traffiku.

L-operaturi saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu mħarsa l-karattru u l-ambjent naturali tal-gżira, filwaqt li jitnaqqas it-tfixkil ikkawżat mix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni.

Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li jiġu żviluppati aktar opportunitajiet turistiċi fix-xhur tax-xitwa, sabiex l-attività ekonomika marbuta mat-turiżmu ma tibqax tiddependi daqshekk fuq l-istaġun tas-sajf.

More in Kronaka