Media Freedom Coalition tappella għal implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne

Il-missjonijiet diplomatiċi tal-koalizzjoni f’Malta jtennu l-appoġġ tagħhom għal-libertà tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti • L-istqarrija tasal fid-disa’ anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-missjonijiet diplomatiċi tal-Media Freedom Coalition f’Malta tennew l-impenn tagħhom favur il-libertà tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti, u appellaw biex Malta tkompli timxi lejn l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-appell sar fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa mill-British High Commission u l-Media Freedom Coalition, fid-disa’ anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista.

“Inħeġġu lil Malta tkompli bil-progress tagħha lejn l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia,” qalet il-koalizzjoni.

L-istqarrija tħeġġeġ ukoll għal aktar salvagwardji istituzzjonali biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti f’Malta jkunu jistgħu jaħdmu b’mod liberu u sigur.

Il-Media Freedom Coalition qalet li tibqa’ impenjata favur ir-responsabbiltà istituzzjonali u s-saltna tad-dritt, filwaqt li offriet li tappoġġja l-isforzi ta’ Malta billi taqsam esperjenza u għarfien dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti, il-libertà tal-midja u l-accountability tal-istituzzjonijiet.

Skont il-koalizzjoni, il-lezzjonijiet mill-assassinju ta’ Caruana Galizia għandhom jintużaw biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u jiġi żgurat progress fit-tul.

Il-missjonijiet diplomatiċi esprimew ukoll l-appoġġ tagħhom għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-ġurnalisti f’Malta u għal dawk kollha li jaħdmu favur il-valuri demokratiċi.

More in Kronaka