Il-provvista tal-elettriku f’Malta żdiedet bi 3.2% matul l-2025, għalkemm ir-rata ta’ tkabbir kienet madwar nofs dik irreġistrata sena qabel, skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
B’kollox, matul is-sena ġew provduti 3,207.1 GWh ta’ elettriku. Fl-2024, il-provvista kienet żdiedet b’6.5% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Min-naħa l-oħra, id-domanda medja annwali għall-elettriku telgħet għal 492 MW, żieda ta’ 2.9%. Dan kien ritmu aktar mgħaġġel minn dak tal-2024, meta d-domanda kienet kibret b’1.8%.
L-ogħla livelli ġew irreġistrati fis-sajf. Lulju waħdu kien responsabbli għal 11.3% tal-elettriku kollu pprovdut matul is-sena, filwaqt li f’Awwissu ġew provduti 334.6 GWh, jew 10.4% tat-total annwali.
Dawn iż-żewġ xhur irreġistraw ukoll l-ogħla domanda, li laħqet 637 MW f’Lulju u 585 MW f’Awwissu.
Il-power stations baqgħu l-akbar sors ta’ elettriku, u pprovdew 56.5% tat-total. L-importazzjoni netta tal-elettriku kienet tammonta għal 32.1%, filwaqt li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli kkontribwew 11.3%.
Il-produzzjoni grossa domestika tal-elettriku żdiedet b’1.6% matul is-sena, filwaqt li l-elettriku importat permezz tal-interconnector kiber b’6.2% u laħaq 1,031 GWh.
Il-produzzjoni domestika mill-power stations u minn sorsi rinnovabbli flimkien laħqet 2,221.7 GWh. Lulju reġa’ kien ix-xahar bl-ogħla produzzjoni lokali, b’239.7 GWh.
Meta mqabbla mal-2024, il-produzzjoni mill-power stations kibret b’0.5%, filwaqt li l-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli żdiedet b’8.1%.
Il-pannelli solari kienu responsabbli għal 96.8% tal-elettriku kollu prodott minn sorsi rinnovabbli.
Fl-istess waqt, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra kkawżati mill-ħruq tal-fjuwil fil-power stations naqsu bi 2.4% meta mqabbla mal-2024.