L-Awtorità tad-Djar iddeċidiet li ttemm il-kuntratt mal-kuntrattur responsabbli mill-bini ta’ blokka residenzjali ġdida fiż-żona ta’ Wied Ħesri fis-Siġġiewi.
Il-kuntrattur, li ma ssemmiex mill-Awtorità, kellu jlesti l-proġett sa Lulju 2026.
Madankollu, l-Awtorità qalet li kienet ġibditlu l-attenzjoni diversi drabi dwar in-nuqqas ta’ progress fix-xogħlijiet, kif ukoll dwar nuqqas li jiġu segwiti struzzjonijiet maħruġa mill-periti u mill-project managers ta’ Housing Projects Solutions Ltd, li qed jissorveljaw l-iżvilupp.
Il-proġett jinkludi l-bini ta’ 189 appartament, flimkien ma’ infrastruttura ta’ parkeġġ u servizzi taħt l-art.
Taħt il-livell tal-basement huma ppjanati tliet ġibjuni tal-ilma, filwaqt li fil-livell t’isfel tal-basement se jkun hemm 67 garaxx u 23 spazju għall-parkeġġ.
Fil-livell ta’ fuq tal-basement huma ppjanati 54 garaxx ieħor, 24 spazju għall-parkeġġ, 12-il meter room u substation.
L-Awtorità qalet ukoll li l-kuntrattur kien ressaq talbiet għal ħlasijiet addizzjonali, iżda wara verifika indipendenti ġie stabbilit li dawn ma kinux dovuti.
Fi stqarrija, l-Awtorità tad-Djar saħqet li se tkompli tħares il-fondi pubbliċi u tinsisti fuq kontabilità fit-twettiq tal-proġetti tagħha.
“Il-kuntratturi huma meħtieġa jonoraw l-impenji li jidħlu għalihom u, fejn jonqsu milli jagħmlu dan, l-Awtorità tieħu azzjoni,” qalet.
L-Awtorità żiedet li se tieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-proġett ikompli miexi ’l quddiem, filwaqt li sostniet l-impenn tagħha favur governanza b’saħħitha u akkomodazzjoni ta’ kwalità għall-benefiċċju tar-residenti u l-komunità.