L-awtoritajiet Taljani kkonfiskaw 377 annimal eżotiku ħaj li kienu se jiġu ttrasportati lejn Malta, wara li tqajjem tħassib dwar il-kundizzjonijiet li kienu qed jinżammu fihom u dwar il-kummerċ ta’ speċi protetti.
Fi stqarrija, il-Guardia di Finanza qalet li l-kummerċ illegali ta’ annimali protetti jagħmel ħsara kemm lill-ekosistema kif ukoll lis-suq legali.
Minn fost l-annimali konfiskati, 76 ġew identifikati bħala speċi protetti taħt il-Konvenzjoni ta’ Washington dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċi ta’ Fawna u Flora Selvaġġa fil-Periklu, magħrufa bħala CITES.
L-operazzjoni ġiet deskritta mill-awtoritajiet bħala waħda mill-aktar konfiski sinifikanti ta’ speċi protetti taħt din il-konvenzjoni.
Il-każ seħħ waqt kontrolli konġunti li saru qrib il-punt tat-tluq tal-katamaran lejn Malta, fejn uffiċjali tal-Guardia di Finanza u tal-Aġenzija tad-Dwana u l-Monopolji waqqfu raġel Malti.
Fil-vettura tiegħu nstabu 300 fekruna u 77 pappagall.
Skont l-awtoritajiet Taljani, l-annimali kienu qed jinżammu f’vettura li ma kellhiex biżżejjed spazju u lanqas sistema adegwata ta’ kontroll tat-temperatura biex jiġu salvagwardjati s-saħħa u l-benesseri tagħhom.
Veterinarji mill-awtorità tas-saħħa ta’ Ragusa marru fuq il-post u kkonfermaw li l-kundizzjonijiet ma kinux xierqa.
Aktar investigazzjonijiet imwettqa mit-tim tal-CITES tal-Guardia di Finanza f’Catania-Fontanarossa wasslu biex 76 mill-annimali jiġu identifikati bħala speċi protetti.
Fost l-ispeċi identifikati kien hemm tliet tipi ta’ macaws u żewġ tipi ta’ cockatoos: Ara macao, Ara chloropterus, Ara ararauna, Cacatua roseicapilla u Cacatua alba.
Ir-raġel ġie rrappurtat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Ragusa fuq allegazzjonijiet li żamm annimali f’kundizzjonijiet inkompatibbli man-natura tagħhom u li setgħu kkawżawlhom tbatija serja.
Ġew irrappurtati wkoll allegati reati taħt il-liġi Taljana li timplimenta l-konvenzjoni internazzjonali dwar il-kummerċ tal-annimali selvaġġi.
L-annimali kollha ġew ikkonfiskati u immedjatament tqiegħdu għand breeder dilettant f’faċilità meqjusa bħala adattata għall-kura tagħhom.
L-operazzjoni saret bħala parti mill-kooperazzjoni bejn il-Guardia di Finanza u l-Aġenzija tad-Dwana u l-Monopolji, taħt memorandum of understanding imġedded fl-2025.
L-awtoritajiet saħqu li r-raġel jibqa’ meqjus innoċenti sakemm ma jkunx hemm kundanna finali.