Borg iħabbar li l-Uffiċċju tal-Kap tal-PN se jiċċaqlaq lejn il-Belt

Alex Borg ħabbar li l-Uffiċċju tal-Kap tal-PN se jiċċaqlaq mill-Istamperija għall-Belt biex ikun “iktar viċin in-nies”, waqt mass meeting li fih tkellem ukoll dwar il-fiduċja, il-ġustizzja u l-libertà tal-ġurnaliżmu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar li l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit se joħroġ mill-Istamperija u jiċċaqlaq lejn il-Belt Valletta, f’mossa li qal għandha twassal biex it-tmexxija tal-partit tkun “iktar viċin in-nies”.

L-aħbar ingħatat waqt il-mass meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana, li din is-sena reġa’ sar f’dan il-post wara assenza ta’ tmien snin.

Borg poġġa ċ-ċaqliq tal-uffiċċju fil-kuntest ta’ impenn usa’ biex il-Partit Nazzjonalista jersaq eqreb lejn il-pubbliku, jisma’ aktar u jerġa’ jibni l-fiduċja permezz tal-ħidma, il-kontabbiltà u l-aċċessibbiltà.

Huwa qal li jrid partit “li jisma’, li jaħdem u li jkun kontabbli għal għemilu”, filwaqt li sostna li l-fiduċja tal-poplu trid tinbena “b’għemilna, pass wara pass”.

Borg qal li l-Indipendenza ma tistax tibqa’ biss tifkira storika, iżda trid tinħass fil-ħajja ta’ kuljum — minn min imur għax-xogħol, minn min irabbi familja, minn min jistenna kura u minn kull min irid jitkellem jew ifittex dak li hu tiegħu bi dritt.

Huwa qal li jrid Malta fejn iċ-ċittadin ikun jista’ jesprimi ruħu mingħajr biża’ u fejn persuna tkun tista’ tirnexxi bil-ħila u bix-xogħol tagħha, mingħajr ma jkollha tagħmel kompromessi mal-politiċi.

Parti ċentrali tad-diskors tiegħu kienet iddedikata għal-libertà tal-ġurnaliżmu u għar-rwol tal-midja f’demokrazija.

Borg sellem lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li l-pajjiż għadu jġorr il-ferita tal-qtil tagħha. Huwa mbagħad indirizza direttament lill-ġurnalisti u qal li xogħolhom għandu valur, anke meta l-mistoqsijiet tagħhom ikunu skomdi għalih jew meta l-artikli tagħhom ikunu kritiċi fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

“Hekk taħdem id-demokrazija,” qal Borg, filwaqt li sostna li min irid il-fiduċja tal-poplu għandu jkun lest iwieġeb lill-poplu u li l-ġurnaliżmu ħieles huwa parti essenzjali minn dik ir-responsabbiltà.

Minn hemm, Borg għadda għall-kwistjoni tal-verità u l-ġustizzja u qal li disa’ snin wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, il-pajjiż għadu qed jistenna “ġustizzja” u “l-verità”. Huwa għamel sensiela ta’ akkużi politiċi fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u sostna li l-verità għandha tkun waħda mill-prinċipji fundamentali li fuqhom tinbena l-politika.

Fost il-każijiet li semma kien hemm l-allegazzjonijiet li saru mill-Imħallef Wenzu Mintoff dwar diskussjonijiet mal-Prim Ministru dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef, kif ukoll il-kontroversja dwar jekk Abela kienx f’komunikazzjoni mal-familja Caruana Galizia.

Borg irrefera wkoll għal kummenti mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż, u għall-kumpens li qal li kien imwiegħed lill-familji u lin-negozji wara l-qtugħ tad-dawl fis-sajf iżda li, skontu, għadu ma ngħatax.

Il-Kap tal-PN sostna li l-Oppożizzjoni se tkompli timbotta biex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Huwa qal li matul is-sajf il-partit baqa’ jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali, man-negozji, mal-NGOs, mal-ġurnalisti u maċ-ċittadini, u ressaq ukoll pakkett ta’ proposti leġiżlattivi bil-għan li jissaħħu l-kontabbiltà u r-responsabbiltà politika.

F’appell lill-partitarji u lil dawk li għadhom mhux konvinti mill-PN, Borg qal li l-partit irid ikun “katalista” biex jerġa’ jinbena pajjiż fejn il-familji jgħixu b’sigurtà, fejn min ifittex il-ġustizzja jsibha f’waqtha u fejn l-awtoritajiet jgħinu, aktar milli jxekklu, liċ-ċittadini u lin-negozji.

Huwa qal ukoll li, wara l-elezzjoni bikrija ta’ din is-sena, ir-responsabbiltà tiegħu hi li jisma’ dak li qal il-poplu, jitgħallem minnu u jibni partit li “jixraqlu aktar fiduċja”.

Borg qal li l-PN se jibqa’ “Oppożizzjoni serja”, jirrikonoxxi dak li jqis bħala tajjeb u jressaq is-soluzzjonijiet tiegħu, iżda fl-istess ħin jinsisti li kull politiku li jonqos għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

Fil-parti aktar programmatika tad-diskors, Borg rabat flimkien il-ġustizzja, il-kwalità tal-ħajja u l-ekonomija.

Huwa tkellem favur ekonomija li tinvesti aktar fil-ħiliet, fit-teknoloġija, fir-riċerka u fil-produttività, filwaqt li qal li t-turiżmu għandu jimxi id f’id mal-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Dwar is-suq tax-xogħol u l-migrazzjoni, Borg qal li hemm bżonn ippjanar li jqis kemm il-bżonnijiet ekonomiċi kif ukoll il-kwalità tal-ħajja, filwaqt li sostna li l-migrazzjoni trid titmexxa b’regoli ċari u infurzar serju u li l-isfruttament tal-ħaddiema għandu jiġi miġġieled.

Liż-żgħażagħ, huwa wiegħed politika li tagħtihom “raġunijiet sodi” biex jemmnu fil-futur tagħhom f’Malta, u semma fost l-oħrajn djar affordabbli, impjiegi li japprezzaw il-ħiliet tagħhom u aktar spazju għall-kultura, l-isport u l-ħajja.

Fil-konklużjoni tiegħu, Borg qal li daħal fil-politika biex “joffri tama” u biex juri li għad hemm nies lesti jidħlu fil-politika biex iservu.

Qal li jemmen fil-politiċi tal-PN u li flimkien jistgħu joffru “tama ġdida” u “indipendenza kontinwa” lill-pajjiż.

Huwa rrimarka wkoll li l-kontijiet finanzjarji tal-PN ġew ippubblikati u ppreżentati fil-ħin, u qal li dan għandu jkun eżempju tas-serjetà u t-trasparenza li jrid jara fil-politika.

Perici Calascione: “Mument nazzjonali ferm iktar milli politiku”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, min-naħa tiegħu, għażel ton aktar qawwi dwar dak li ddeskriva bħala mument ta’ kriżi għall-pajjiż, u qal li s-sitwazzjoni li Malta tinsab fiha llum għandha titqies bħala “mument nazzjonali ferm u ferm iżjed milli hu wieħed politiku”.

Perici Calascione qal li Malta u Għawdex għaddejjin minn “żmien diffiċli” u “żmien ta’ sfida”, u sejjaħ għal azzjoni minn dawk kollha li, fi kliemu, iridu jaħdmu favur dak li hu ġust, sewwa u ta’ ġid għall-pajjiż.

Huwa qal li dak li ħareġ matul ix-xhur ta’ qabel — permezz ta’ xhieda, provi u żviluppi oħra — ta stampa tal-pajjiż li, skontu, ħadd ma għandu jkun komdu biha.

Perici Calascione sostna li din is-sitwazzjoni ma nħolqotx f’daqqa, iżda kienet ilha tinbena għal snin.

B’referenza diretta għar-responsabbiltà tal-PN, huwa qal li l-partit m’għandux jaċċetta dak li jqis bħala “assolutament inaċċettabbli”, jiġġustifika dak li jqis bħala “assolutament inġustifikabbli” jew jiskuża dak li jqis bħala “assolutament inskużabbli”.

Qal li din hija responsabbiltà li l-partit għandu jerfa’ “mill-bidu sal-aħħar”.

F’waħda mill-aktar partijiet qawwija tad-diskors, Perici Calascione sostna li “pajjiżna ma jiflaħx aktar” għal kultura fejn dak li hu kundannabbli ma jiġix ikkundannat.

Huwa qal li snin ta’ attitudni ta’ “xejn mhu xejn”, “kollox jgħaddi” u “u iva” wasslu, fil-fehma tiegħu, għas-sitwazzjoni preżenti.

Huwa mbagħad semma sensiela ta’ każijiet u allegazzjonijiet li ħarġu fid-dominju pubbliku, fosthom dwar investigazzjonijiet tal-Pulizija, persuni li allegatament kienu qed jiġu avżati qabel raids u rapporti dwar informazzjoni li kienet qed tgħaddi lil persuni taħt investigazzjoni.

Dawn il-każijiet ġew ippreżentati minn Perici Calascione bħala sintomi ta’ problema usa’ fil-governanza u fl-istituzzjonijiet.

Perici Calascione qal ukoll li f’dawn il-ġranet kienu resqu lejn il-PN diversi persuni biex jaqsmu r-rabja u t-tħassib tagħhom, fosthom nies li ma għandhomx affiljazzjoni Nazzjonalista, oħrajn li fil-passat kienu jsegwu lill-partit iżda tbiegħdu minnu, u oħrajn li lanqas għandhom simpatija partikolari lejn il-PN.

Skontu, dak li jgħaqqad lil dawn in-nies huwa l-perċezzjoni li l-pajjiż jinsab f’mument importanti li se jimmarka d-direzzjoni tiegħu fil-futur.

Huwa qal li l-preżenza tal-partitarji fuq il-Fosos għandha tagħti kuraġġ lit-tmexxija tal-PN u lill-Grupp Parlamentari biex jaħdmu biex jagħtu “tama ġdida” lill-pajjiż.

Perici Calascione temm billi rabat il-messaġġ tiegħu mal-viżjoni ta’ George Borg Olivier u mal-kisba tal-Indipendenza, u qal li taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg u bil-viżjoni politika tal-PN, il-partit irid jaħdem għal “Pajjiż Ħieles” u “Pajjiż li ma jibżax”.

Huwa spjega dan bħala pajjiż li jkun “ħieles minn dak kollu li jżommu lura”, minn dak li jħammeġ ismu barra minn Malta u minn dak li jfixkel liż-żgħażagħ milli jkollhom futur fil-pajjiż.

Fl-istess waqt, qal li pajjiż li “ma jibżax” għandu jkun wieħed li ma jibżax jiġġieled għall-ġustizzja, isemma’ leħnu fejn il-ġustizzja ma tinstabx u jaħdem favur dak li hu ta’ ġid għal Malta u Għawdex.

Bonello: PN reġa’ bbilanċja l-kotba wara aktar minn 12-il sena

Is-segretarju Ġenerali tal-PN: Charles Bonello
Is-segretarju Ġenerali tal-PN: Charles Bonello

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, li fetaħ id-diskorsi tal-lejla,  għaqqad il-messaġġ politiku tal-Indipendenza ma’ rendikont tal-ħidma interna u finanzjarja tal-partit.

Bonello qal li r-ritorn fuq il-Fosos tal-Furjana wara tmien snin kellu jkun sinjal ta’ partit li jrid isaħħaħ l-istrutturi tiegħu u jerġa’ jersaq eqreb lejn in-nies.

Huwa qal li l-akbar kisba storika tal-pajjiż kienet l-Indipendenza miksuba taħt George Borg Olivier, li fi kliemu tat lil Malta l-possibbiltà li ssir nazzjon sovran u tiddeċiedi l-futur tagħha.

Madankollu sostna li l-pajjiż illum jinsab f’ċirkostanzi fejn, skontu, il-ġustizzja mhux dejjem tasal u l-istituzzjonijiet mhux dejjem jitħallew jaħdmu kif suppost.

Bonello ddedika parti partikolari tad-diskors tiegħu għax-xandir pubbliku.

Huwa allega li l-aħbarijiet fuq ix-xandir pubbliku qed jippreżentaw fatti “mgħawġa skont l-eżiġenzi tal-Gvern” u kkritika l-għażla ta’ preżentaturi li, fil-fehma tiegħu, ikunu esprimew propaganda partiġġjana favur il-Gvern.

Qal li minħabba dan, il-PN se jieħu “l-passi neċessarji” fil-jiem li ġejjin biex jindirizza dak li ddeskriva bħala sitwazzjoni ta’ żvantaġġ għall-Oppożizzjoni.

Bonello qal ukoll li Malta tinsab “f’salib it-toroq” u sostna li l-pajjiż qed jitlef parti mill-identità tiegħu waqt li diversi problemi qed jitħallew mingħajr indirizz.

Huwa poġġa l-mistoqsija ta’ x’pajjiż għandu jitħalla lill-ġenerazzjonijiet futuri bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiggwidaw il-politika.

“L-Indipendenza mhijiex biss paġna fl-istorja,” qal, filwaqt li argumenta li għandha “tingħex kuljum” u tinvolvi l-kuraġġ li wieħed jitkellem, jgħid il-verità u jitlob il-bidla.

L-aktar parti konkreta tad-diskors tiegħu kienet dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.

Bonello qal li jumejn qabel kienu ġew ippreżentati l-kontijiet tal-partit għas-sena ta’ qabel, u rabat dan mal-wegħda ta’ Alex Borg favur aktar kontabbiltà u trasparenza.

Huwa qal li meta sar Segretarju Ġenerali fl-2025 kien għamilha ċara li l-partit kellu jkompli jissaħħaħ finanzjarjament.

Skont Bonello, wara ħidma u sagrifiċċji, il-PN irnexxielu għall-ewwel darba f’aktar minn 12-il sena jibbilanċja l-kotba tiegħu u rreġistra qligħ ta’ aktar minn €100,000, mingħajr ma biegħ ebda proprjetà tiegħu.

Bonello sostna li matul l-istess sena d-dejn tal-partit inżamm stabbli u ma kompliex jiżdied, u qal li dawn ir-riżultati huma parti minn proċess usa’ ta’ ristrutturar finanzjarju li l-partit irid ikompli fis-snin li ġejjin.

Huwa rringrazzja wkoll lil dawk li jikkontribwixxu fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi tal-PN, u ħabbar li maratona oħra mistennija ssir fil-11 ta’ Ottubru.

Bonello ta wkoll dettalji dwar il-ħidma fuq statut ġdid tal-partit.

Qal li dan mistenni jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali fil-ġimgħat li ġejjin u li, fost il-bidliet, hemm proposta għal żewġ Viċi Kapijiet — wieħed responsabbli għall-Partit u ieħor għall-ħidma parlamentari — flimkien ma’ karigi u strutturi oħra ġodda.

Huwa qal li dawn il-bidliet għandhom iwasslu għal PN “iktar b’saħħtu” u “iktar viċin in-nies”, li jisma’ l-karbiet tal-poplu u jfassal il-politika tiegħu skont l-aspirazzjonijiet tan-nies.

Bonello temm b’appell biex il-partit ikompli l-mixja tiegħu mingħajr ma jaqta’ qalbu, u qal li l-bidla tista’ sseħħ biss bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd u bil-ħidma għal dak li ddeskriva bħala “pajjiż aħjar” u “pajjiż normali”.

More in Kronaka