ADPD: Il-progress fid-drittijiet LGBTIQ ma jfissirx li l-ġlieda għall-ugwaljanza spiċċat

Il-partit jgħid li Malta għandha għalxiex tkun kburija bil-progress li sar, iżda jwissi li l-liġijiet waħedhom ma jbiddlux il-kultura u l-attitudnijiet.

ADPD – The Green Party appellat biex ikomplu l-isforzi favur l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ, u saħqet li d-diversità ssaħħaħ lis-soċjetà.

Iċ-Chairperson tal-partit Sandra Gauci u s-Segretarju Internazzjonali u kelliem Mark Zerafa qalu li soċjetà b’saħħitha hija waħda li fiha kulħadd ikun jista’ jiżviluppa u jgħix b’dinjità, mingħajr mibegħda, diskriminazzjoni jew politika mibnija fuq il-firda.

“Id-diversità ssaħħaħna,” qalu.

ADPD irreferiet għall-pożizzjoni b’saħħitha ta’ Malta fir-Rainbow Map ippubblikata mill-International Lesbian, Gay, Bisexual, Trans and Intersex Association, ILGA, u qalet li dan għandu jkun sors ta’ kburija għall-pajjiż.

Skont il-partit, il-progress li sar matul is-snin juri li s-soċjetà Maltija kibret u mmaturat, u li d-diversità m’għandhiex tibqa’ titqies bħala xi ħaġa li tqajjem biża’, iżda bħala realtà li għandha tiġi milqugħa.

ADPD qalet li kull persuna għandha dritt għad-dinjità, għall-imħabba, għall-opportunitajiet u għall-benessri emozzjonali, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħha.

“Id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem,” qalu Gauci u Zerafa.

Madankollu, il-partit wissa li l-progress leġiżlattiv ma jfissirx li l-ġlieda għall-ugwaljanza ntemmet.

ADPD qalet li l-liġijiet jistgħu jiggarantixxu d-drittijiet, iżda l-bidla fil-kultura u fl-attitudnijiet tas-soċjetà tieħu aktar żmien.

Għalhekk, skont il-partit, Pride għandu jkun ukoll mument ta’ solidarjetà ma’ dawk li għadhom iħossuhom kostretti jaħbu min huma minħabba biża’ ta’ rifjut mill-familja jew mill-ħbieb.

ADPD semmiet ukoll lill-persuni LGBTIQ f’pajjiżi fejn l-espressjoni tal-identità tagħhom jew tal-imħabba tagħhom tista’ twassal għal pieni serji.

Il-partit qal li Pride huwa ċelebrazzjoni tal-progress miksub bis-saħħa ta’ snin ta’ ħidma kollettiva, iżda fl-istess waqt tfakkira li għad fadal aktar xi jsir.

ADPD sostniet li kulħadd għandu jkun jista’ juri min hu u jħobb lil min irid mingħajr ma jkollu għalfejn jinħeba jew jistħi.

“Il-vjaġġ ikompli,” qalu, filwaqt li żiedu li soċjetà ma tistax titqies bħala ħielsa sakemm ma jkunx ħieles kulħadd.

More in Kronaka