Pulizija mifruxa f’żewġ residenzi, residenti tas-Swieqi mħassba

Residenti jgħidu li l-community policing ta’ billejl kien qed jagħmel differenza fis-Swieqi, iżda jibżgħu li l-estensjoni tal-istess servizz għal Pembroke se tnaqqas il-ħeffa tar-rispons fi żmien meta l-ilmenti dwar imġiba antisoċjali għadhom qed jiżdiedu. Fl-istess waqt, il-Forzi Armati bdew jassistu lill-Pulizija fil-lokalità. 

Servizz ta’ pulizija matul il-lejl li residenti ta’ Swieqi jgħidu li beda jagħmel differenza reali fil-lokalità issa se jkopri wkoll Pembroke, żvilupp li qajjem tħassib li l-istess riżorsi se jkollhom jinfirxu fuq żewġ lokalitajiet li qed jaffaċċjaw problemi simili ta’ storbju u mġiba antisoċjali. 

Skont sors mis-Swieqi qal li l-estensjoni tas-servizz għal Pembroke hija raġonevoli, minħabba li anke dik il-lokalità qed taffaċċja problemi simili. Iżda sostna li jekk ma jiżdidux ir-riżorsi, il-konsegwenza inevitabbli tkun li l-ħin ta’ rispons għal inċidenti fis-Swieqi jsir itwal. 

Skont informazzjoni ppubblikata mill-Pembroke & Swieqi Community Policing Team, is-servizz ta’ billejl, li ilu jopera minn Ġunju, jaħdem kuljum bejn l-22:00 u t-8:00 u jindirizza fost l-oħrajn imġiba antisoċjali, storbju u problemi oħra fil-komunità. L-istess servizz issa qed jiġi estiż għal Pembroke, bl-istess numru ta’ kuntatt ta’ billejl. 

Għas-sors, dan fih innifsu huwa prova li l-proġett li beda fis-Swieqi kien qed jaħdem. 

“Dan is-servizz għen. Kien hemm preżenza, kien hemm kuntatt dirett u rajna differenza,” qal. Iżda sostna li, skont l-informazzjoni li għandu, fejn qabel kien hemm sitt uffiċjali disponibbli, issa tliet uffiċjali se jkollhom jinqasmu bejn iż-żewġ lokalitajiet. 

Dawn iċ-ċifri ma ġewx ikkonfermati b’mod indipendenti, iżda s-sors jinsisti li l-biża’ tar-residenti mhijiex dwar l-estensjoni lejn Pembroke fiha nnifisha, iżda dwar jekk l-awtoritajiet humiex qed iżidu l-kapaċità tal-operazzjoni jew sempliċement iqassmu l-istess riżorsi fuq żona akbar. 

“Fl-opinjoni tiegħi dan juri li qed ngħixu fi kriżi,” qal. “Qed jiġu rrappurtati tant inċidenti li l-awtoritajiet mhux qed jirnexxilhom ilaħħqu.” 

Inċident f’nofs il-lejl 

It-tħassib dwar il-ħin ta’ rispons kompla jikber wara inċident li seħħ matul il-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Awwissu. 

Skont resident li ra u rrapporta dak li ġara, għall-ħabta ta’ 12:14am tliet ġuvintur Taljani telgħu minn fuq ħajt mit-triq u daħlu fi proprjetà privata, fejn allegatament wieħed minnhom qeda l-bżonnijiet naturali tiegħu fuq siġra fil-kantuniera tal-post. 

Il-bqija tal-grupp, skont ix-xhud, deher qed jieħu gost bis-sitwazzjoni. 

Ir-resident beda jirrekordja dak li kien qed jiġri bil-mowbajl u kkuntattja lill-pulizija tar-ronda ta’ billejl. Madankollu, meta l-uffiċjali waslu fuq il-post, il-grupp kien diġà telaq jiġri. 

Is-sors qal li dan huwa eżempju eżatt tal-problema li qed jinkwetah: anke bis-servizz preżenti, il-pulizija ma rnexxilhomx jaslu fil-ħin biex isibu lill-persuni fuq il-post. 

Jekk l-istess uffiċjali issa jkunu qed jirrispondu wkoll għal każijiet f’Pembroke, qal, ir-riskju hu li dan id-dewmien ikompli jiżdied. 

Minn rinforz għal riżorsi mifruxa? 

It-tħassib jasal fi żmien meta, fuq il-karta, il-preżenza tas-sigurtà fis-Swieqi qed tiżdied. 

Nhar it-Tlieta ġie rrappurtat li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta bdew jaħdmu flimkien mal-Pulizija fis-Swieqi biex isaħħu l-preżenza matul il-lejl. Id-Deputat Sindku Jordan Galea Pace qal li l-Kunsill Lokali u r-residenti kienu ilhom jinsistu għal dan il-pass u li l-għan huwa li r-residenti jkunu jistgħu jħossuhom siguri u jorqdu fil-paċi fi djarhom.  

Galea Pace qal ukoll li jixtieq jara l-istess mudell jiġi estiż għal lokalitajiet ġirien, filwaqt li sostna li l-problema tal-imġiba antisoċjali ma tiqafx mal-fruntieri tas-Swieqi.  

Iżda għall-persuni li qed jesprimu tħassib, hemm differenza importanti bejn li mudell jiġi estiż b’aktar riżorsi u li l-istess numru ta’ uffiċjali jintalab ikopri territorju akbar. 

Huma jaraw kontradizzjoni bejn il-messaġġ pubbliku li s-sigurtà qed tissaħħaħ u r-realtà li, skonthom, wieħed mis-servizzi li kien l-aktar qrib tar-residenti jista’ issa jkollu jinfirex aktar. 

It-tħassib qed jinħass aktar wara li residenti ltaqgħu mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield il-ġimgħa li għaddiet, fejn, skont is-sors, ingħataw l-impressjoni li kienu se jingħataw aktar għajnuna. 

Bedingfield huwa responsabbli mill-portafoll tal-intern u s-sigurtà, li jinkludi fost l-oħrajn il-Pulizija, il-Forzi Armati u l-infurzar tal-liġi.  

Il-Gvern stess kien faħħar il-mudell tal-community policing fis-Swieqi u Pembroke f’Ġunju, meta Bedingfield qal li s-servizz intlaqa’ tajjeb mill-komunità u li l-kuntatt dirett mar-residenti kien qed jgħin biex l-ilmenti jiġu indirizzati fl-iqsar żmien possibbli.  

Huwa proprju għalhekk li r-residenti li tkellmu magħna qed jistaqsu jekk l-estensjoni tal-istess servizz, mingħajr żieda proporzjonata fil-ħaddiema, hijiex se xxekkel dak li kien qed jaħdem. 

‘Biżżejjed huwa biżżejjed’ 

Għas-sors, il-każijiet ta’ storbju, intimidazzjoni u dħul fi proprjetà privata m’għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala episodji iżolati tas-sajf. 

Huwa qal li każijiet fejn persuni “jitterrorizzaw komunitajiet, jintimidaw lir-residenti jew jaġixxu bħallikieku huma ’l fuq mil-liġi” jeħtieġu konsegwenzi ċari u viżibbli. 

“Dan il-każ għandu jkun mal-midja kollha,” qal. “Kull min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid irid ikun jaf li l-awtoritajiet huma lesti jaġixxu b’mod deċiżiv. Malta trid tibgħat messaġġ wieħed ċar: biżżejjed huwa biżżejjed.” 

Għar-residenti, għalhekk, il-kwistjoni mhijiex biss kemm hemm uniformijiet fit-toroq, iżda jekk il-persuna li ċċempel għall-għajnuna f’nofs ta’ lejl tistax tkun ċerta li xi ħadd se jasal fil-ħin. 

U fis-Swieqi, fejn servizz ġdid kien beda jagħti lir-residenti sens li finalment kien hemm min qed jisma’ u jirrispondi, il-biża’ issa hija li suċċess li kellu jissaħħaħ jispiċċa mraqqaq. 

More in Kronaka