Moviment Graffitti nediet kampanja ta’ crowdfunding biex tappella mill-permess tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li jippermetti l-qlugħ ta’ siġar u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fir-Riżerva Naturali ta’ Kemmuna.
Il-fondi miġbura se jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw azzjonijiet futuri bil-għan li, fi kliem l-għaqda, “Kemmuna tiġi salvata mir-regħba”.
“Id-deċiżjoni tal-mistħija tal-ERA tal-Ġimgħa li għadda, li tippermetti l-qlugħ ta’ 800 siġra u tagħti l-approvazzjoni għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tqal f’ambjent sensittiv ħafna, kienet tradiment tal-missjoni tagħha li tipproteġi l-ambjent tagħna,” qalet l-NGO.
Graffitti akkużat lill-ERA li għażlet li taqdi l-interessi tal-Hili Group minflok tipprijoritizza l-ħarsien tar-riżerva naturali u l-interess nazzjonali.
Il-proġett propost f’Kemmuna jinkludi 44 pixxina, 16-il villa u lukanda ta’ 140 kamra.
Skont Graffitti, l-approvazzjoni tal-ERA mhux biss tippermetti l-qlugħ tas-siġar u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, iżda fil-prattika tippermetti wkoll lill-Hili Group jibda x-xogħlijiet minkejja li l-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għadu mhux definittiv.
L-NGO fakkret li l-proċeduri fil-qorti għadhom għaddejjin u li f’Mejju li għadda l-qorti kienet iddeċidiet favur Moviment Graffitti fuq wieħed mill-punti ewlenin tal-każ, u bagħtet il-każ lura quddiem it-Tribunal biex jerġa’ jiġi kkunsidrat.
Graffitti qalet li hija determinata li tappella mill-permess tal-ERA. Madankollu, wissiet li l-appell waħdu mhux se jwaqqaf lill-Hili Group milli jibda x-xogħlijiet, minħabba li dawn mhux se jiġu sospiżi sakemm ikun qed jinstema’ l-każ.
Għaldaqstant, l-għaqda qed tħeġġeġ ukoll lill-pubbliku jibqa’ attent u jirreġistra d-dettalji tiegħu permezz ta’ formola separata sabiex ikun jista’ jieħu sehem f’azzjonijiet oħra meta jkun meħtieġ. Aktar dettalji dwar dawn l-azzjonijiet mistennija jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
“Aħna konxji li hawnhekk qegħdin kontra wħud mill-aktar interessi b’saħħithom li joperaw f’pajjiżna,” qalet l-NGO. “Madankollu, aħna konvinti li l-imħabba tal-poplu lejn Kemmuna tista’ tirbaħ fuq ir-regħba u l-kompliċità.”
Il-pubbliku jista’ jagħti donazzjoni lill-kampanja permezz tal-paġna ta’ crowdfunding ta’ Save Comino jew permezz ta’ trasferiment bankarju dirett lil Moviment Graffitti, bid-deskrizzjoni “Save Comino”.