Ma ġie rreġistrat l-ebda każ ta’ emerġenza medika fl-aħħar ġimgħat relatata mas-sħana fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Bi tweġiba għal mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta Illum, il-Ministeru responsabbli mis-servizzi korrettivi qal li kull tħassib dwar it-temperaturi ġie indirizzat permezz ta’ miżuri implimentati mill-amministrazzjoni tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kemm għall-persuni miżmuma fil-faċilità, kif ukoll għall-membri tal-istaff.
Barra minn hekk, il-Ministeru kkonferma li bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ installazzjoni ta’ sistema ta’ ventilazzjoni b’kontroll tat-temperatura f’diversi diviżjonijiet tal-faċilità, bil-għan li eventwalment din tkopri l-faċilità kollha.
Il-kundizzjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin reġgħu spiċċaw fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku wara li l-Professur Andrew Azzopardi appella għal investigazzjoni indipendenti dwar dik li sejjaħ sħana eċċessiva fiċ-ċelel, filwaqt li l-Ministeru responsabbli mis-servizzi korrettivi sostna li qed jiġu implimentati diversi miżuri biex titnaqqas il-problema.
F’post li qajjem reazzjonijiet differenti fuq il-midja soċjali, Azzopardi sostna li diversi priġunieri qed jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli waqt il-mewġiet tas-sħana, b’ċelel li ħafna drabi jinqasmu bejn żewġ persuni, ventilazzjoni limitata u fannijiet li, skontu, “idawru biss riħa ta’ għaraq u sħana.”
Huwa sostna wkoll li xi priġunieri qed ikollhom ixarrbu l-lożor bl-ilma u jitgħattew bihom biex jippruvaw isibu ftit serħan mis-sħana.
“Mhux nifhem x’hemm riabilitattiv jekk uħud mill-priġunieri tant iħossu sħana fiċ-ċelel,” kiteb Azzopardi, filwaqt li staqsa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex kompatibbli mal-għan ewlieni tal-ħabs, jiġifieri r-riabilitazzjoni.
Huwa żied jgħid li filwaqt li persuni li jinstabu ħatja għandhom iġorru l-konsegwenzi ta’ għemilhom, dan m’għandux ifisser li jiġu esposti għal kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tagħhom jew inaqqsu ċ-ċansijiet ta’ riabilitazzjoni. “Tħallas imma titgħallem u ssir bniedem aħjar,” sostna.
Azzopardi staqsa wkoll fejn jinsabu ċ-chillers li kienu ssemmew fil-passat u qal li ma jistax jifhem kif tali sitwazzjoni tista’ sseħħ f’faċilità mmexxija minn direttur li ġej mill-qasam tas-saħħa mentali.
Talba lill-Ombudsman
Wara dawn id-dikjarazzjonijiet, Azzopardi ressaq talba uffiċjali lill-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman biex tinfetaħ investigazzjoni indipendenti dwar il-kundizzjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fit-talba tiegħu qal li rapporti minn priġunieri, qraba tagħhom u sorsi oħra jqajmu tħassib serju dwar it-temperaturi fiċ-ċelel waqt il-mewġiet tas-sħana.
Huwa sostna wkoll li studji internazzjonali juru kif temperaturi għoljin jistgħu jħallu impatt negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali, iżidu l-istress u jaffettwaw il-programmi ta’ riabilitazzjoni. Għaldaqstant appella biex Malta tadotta standards nazzjonali dwar il-ventilazzjoni u sistemi effettivi ta’ kontroll tat-temperatura fil-ħabsijiet.