Eluf ta' djar madwar Malta spiċċaw mingħajr elettriku nhar it-Tlieta filgħaxija hekk kif id-domanda għall-elettriku laħqet rekord ġdid.
Sal-11pm, partijiet mill-Birgu, Ħal Qormi, Gudja, Għargħur, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Marsa, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Santa Luċija, is-Swieqi u Ħal Tarxien kienu għadhom mingħajr provvista tal-elettriku.
Anke l-logħba ta' kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League bejn Floriana u Drita, li ntlagħbet fiċ-Centenary Stadium f'Ta' Qali, kellha tieqaf tliet darbiet minħabba qtugħ tad-dawl.
Skont Enemalta, id-domanda għall-elettriku laħqet rekord ġdid ta' 713MW, u qabżet ir-rekord preċedenti ta' 663MWirreġistrat fl-2023.
Il-kumpanija qalet li sar progress biex terġa' tingħata l-provvista lill-lokalitajiet milquta u li "r-riżorsi kollha disponibbli ġew mobilizzati biex il-provvista terġa' lura kemm jista' jkun malajr u b'mod sigur."
Iċ-Chairman ta' Enemalta, Ryan Fava, qal li l-kapaċità tal-pajjiż biex jiġġenera l-elettriku hija biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda, iżda sostna li "l-kombinazzjoni ta' temperaturi eċċezzjonalment għoljin għal perjodu twil u konsum bla preċedent poġġiet pressjoni straordinarja fuq partijiet min-network tad-distribuzzjoni."
Enemalta qalet ukoll li għandha biżżejjed ħaddiema biex tindirizza kwalunkwe ħsara oħra li tista' sseħħ.
Il-kumpanija żiedet li ż-żoni fejn diġà tlestew ix-xogħlijiet ta' tisħiħ tan-network irnexxielhom ilaħħqu mad-domanda rekord, u dan juri l-valur tal-programm estensiv ta' investiment li għaddej bħalissa.
Enemalta fakkret ukoll lill-pubbliku fil-helpline dedikata 153 għal kull min jeħtieġ assistenza.
Il-qtugħ estensiv seħħ waqt li Malta kompliet tesperjenza mewġa ta' sħana qawwija, li ħalliet ħafna familji mingħajr elettriku f'temperaturi estremi.
Sadanittant, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-isfidi li qed jiffaċċja n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bħall-konġestjoni tat-traffiku, huma konsegwenza tal-mudell ekonomiku attwali tal-pajjiż.
Fi stqarrija, il-Kamra sostniet li strateġija ekonomika bbażata fuq tkabbir rapidu tal-popolazzjoni u żieda fil-ħaddiema b'ħiliet baxxi poġġiet pressjoni kbira fuq l-infrastruttura nazzjonali.
Filwaqt li rrikonoxxiet li ż-żieda fil-konsum tal-elettriku żiedet il-piż fuq il-grid, insistiet li din iż-żieda kienet prevedibbli fid-dawl tat-tkabbir tal-popolazzjoni, iż-żieda fit-turiżmu u t-temperaturi dejjem jogħlew minħabba t-tibdil fil-klima, u għalhekk kellha tkun ikkunsidrata meta ġiet ippjanata l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż.