L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) appellat għal rispons nazzjonali, koordinat u fit-tul biex jiġu indirizzati l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku matul perjodi ta' sħana estrema.
Fi stqarrija, l-MHRA qalet li din il-kwistjoni ma tistax tibqa' titqies biss bħala responsabbiltà ministerjali fid-dawl tal-frekwenza u l-intensità dejjem akbar tal-mewġiet ta' sħana f'Malta, fil-Mediterran u madwar l-Ewropa.
"L-avvenimenti li qed naraw huma indikazzjoni ċara li t-tibdil fil-klima qed ipoġġi pressjoni bla preċedent fuq l-infrastruttura nazzjonali. Malta trid tadatta u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għal kundizzjonijiet tat-temp dejjem aktar estremi, kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa," qalet l-assoċjazzjoni.
L-MHRA appellat għall-iżvilupp urġenti ta' pjan nazzjonali dwar ir-reżiljenza klimatika u s-sigurtà tal-enerġija, ibbażat fuq fatti, evidenza u soluzzjonijiet ippruvati.
Skont l-assoċjazzjoni, il-pjan għandu jkun olistiku u jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati biex jindirizza mhux biss l-infrastruttura tal-elettriku, iżda wkoll it-tħejjija għall-emerġenzi, il-kapaċità ta' ġenerazzjoni alternattiva, ġestjoni aktar intelliġenti tal-enerġija, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni teknoloġika, ir-riċerka, il-pjanijiet ta' kontinġenza u protokolli ċari għal perjodi ta' temp estrem.
L-istqarrija tasal wara diversi qtugħ tad-dawl li fl-aħħar jiem ħallew eluf ta' familji mingħajr elettriku, f'xi każijiet għal sigħat twal, waqt li t-temperaturi qabżu l-40°C.
L-MHRA qalet li provvista affidabbli tal-elettriku hija essenzjali kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji u għall-kompetittività ekonomika tal-pajjiż.
Żiedet li hija kruċjali wkoll għall-esperjenza tat-turisti, speċjalment fl-eqqel tal-istaġun turistiku, meta qtugħ tad-dawl waqt sħana qawwija inevitabbilment iħalli impressjoni negattiva fuq Malta bħala destinazzjoni.
L-assoċjazzjoni insistiet li hemm bżonn ta' sforz nazzjonali magħqud biex il-pajjiż ikun ippreparat aħjar għar-realtajiet tat-tibdil fil-klima.
Fl-istess waqt, irringrazzjat lill-ħaddiema ta' Enemalta għall-ħidma tagħhom biex jerġgħu jagħtu l-provvista tal-elettriku f'"kundizzjonijiet eċċezzjonalment diffiċli."
L-Erbgħa filgħodu, qtugħ tad-dawl fil-Belt Valletta waqqaf għal madwar 30 minuta l-ġuri ta' Yorgen Fenech, filwaqt li t-Tlieta filgħaxija l-logħba ta' kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League bejn Floriana u Drita fiċ-Centenary Stadium ġiet interrotta wkoll minħabba l-qtugħ tal-elettriku.