Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern Laburista li biddel lil TVM f'"għodda oħra ta' propaganda", filwaqt li sostna li x-xandar pubbliku m'għadux qed jaqdi r-rwol tiegħu ta' servizz għall-poplu.
Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, il-PN qal li PBS għandu jkun ħieles minn influwenza politika u jaqdi liċ-ċittadini kollha, u mhux iservi bħala mezz ta' komunikazzjoni tal-Gvern.
Il-partit sostna li taħt il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, il-libertà tal-midja kompliet tiddgħajjef u Malta baqgħet titlef postha fir-rapporti internazzjonali dwar il-libertà tal-istampa.
Skont il-PN, TVM mhux qed jipprovdi informazzjoni b'mod bilanċjat iżda qed jagħżel x'jirrapporta u jippreżenta biss dak li jaqbel mal-Gvern.
Il-partit irrefera wkoll għal deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar dak li sejjaħ bħala nuqqas ta' bilanċ fil-bullettini tal-aħbarijiet ta' TVM, partikolarment fl-użu ta' Sound on Tape (SOT).
F'risposta għal mistoqsija parlamentari mressqa mid-deputat Michael Piccinino, irriżulta li matul l-aħħar sena TVM xandar 532 SOT tal-Prim Ministru u rappreżentanti oħra tal-Gvern.
Fl-istess perjodu, ix-xandar nazzjonali xandar biss 66 SOT tal-Kap tal-Oppożizzjoni, deputati jew rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-PN qal li dawn iċ-ċifri juru nuqqas ċar ta' bilanċ u sostna li TVM ġie "manipulat kompletament" mill-Gvern u nbidel f'"noticeboard" tiegħu.
Il-partit iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala abbuż serju tal-istituzzjonijiet u tal-fondi pubbliċi, filwaqt li sostna li flok xandar imparzjali, il-pubbliku qed jingħata "Super One 2".
Il-PN temm jgħid li se jkompli juża kull mezz demokratiku biex jiddefendi l-libertà tal-midja, id-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat b'mod sħiħ u istituzzjonijiet li jaqdu liċ-ċittadini u mhux lill-Gvern.