Silenzju assolut mill-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq jekk sarx progress fid-diskussjonijiet bejniethom dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid. Din il-gazzetta ppruvat issaqsi jekk id-diskussjonijiet reġgħux bdew iżda bqajna bla risposta.
Aktar minn xahar wara l-elezzjoni, għadu mhux ċar jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni komplewx jiddiskutu l-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid, minkejja li l-kwistjoni ilha fuq il-mejda għal diversi xhur.
Din il-gazzetta ikkuntattjat lill-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġustizzja Joe Giglio u lill-Ministru tal-Ġustizzja, Clifton Grima biex ikun stabbilit jekk sarux aktar laqgħat bejn iż-żewġ naħat, jekk id-diskussjonijiet għadhomx għaddejjin, u x’inhu l-akbar ostaklu li qed iżomm milli jintlaħaq qbil.
Minkejja dan, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għażel li ma jweġibx filwaqt li bqajna bla risposta mill-Ministru Clifton Grima.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti għalaq 68 sena f’Jannar u bil-liġi kellu jirtira. Izda l-Kostituzzjoni tipprovdi li Prim Imħallef jibqa’ fir-rwol tiegħu sakemm jinħatar suċċessur.
Il-ħatra tal-Prim Imħallef hija waħda mill-aktar ħatriet istituzzjonali importanti fil-pajjiż. Il-Prim Imħallef imexxi l-ġudikatura. Għalhekk, il-persuna magħżula trid tgawdi fiduċja wiesgħa kemm fil-Parlament kif ukoll fil-qasam ġudizzjarju.
Il-problema ewlenija hija li, skont ir-riformi kostituzzjonali introdotti fl-aħħar snin, il-ħatra ma tistax issir b’deċiżjoni tal-Gvern waħdu. Il-Kostituzzjoni titlob vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, li jfisser li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jridu jsibu kandidat li fuqu jista’ jkun hemm qbil.
Dan il-mekkaniżmu kien maħsub biex isaħħaħ il-kunsens istituzzjonali u jnaqqas il-perċezzjoni ta’ ħatriet partiġġjani fil-quċċata tal-ġudikatura. Iżda fl-istess waqt, meta ż-żewġ naħat ma jaslux għal ftehim, il-proċess jista’ jeħel.
Il-kwistjoni kienet diġà tqajmet xhur ilu hekk kif bdiet toqrob il-bidla fit-tmexxija tal-ġudikatura. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn, ma kien hemm l-ebda aġġornament sostanzjali pubbliku dwar jekk il-laqgħat komplewx jew jekk il-partijiet resqux eqreb lejn ftehim.
Il-fatt li issa għadda wkoll aktar minn xahar mill-elezzjoni kompla jqajjem mistoqsijiet dwar jekk il-proċess waqafx minħabba l-kampanja elettorali jew jekk hemmx nuqqas ta’ qbil aktar profond dwar il-persuna li għandha tintgħażel.
Sorsi politiċi li tkellmu dwar il-kwistjoni fix-xhur li għaddew indikaw li l-akbar sfida mhijiex biss li tinstab persuna b’esperjenza legali u ġudizzjarja biżżejjed, iżda wkoll xi ħadd li ż-żewġ naħat jistgħu jaċċettaw mingħajr ma jidher li xi partit ċeda lill-ieħor.
Din mhijiex ħatra ordinarja. Il-Prim Imħallef għandu rwol ċentrali f’istituzzjoni li f’dawn l-aħħar snin kienet taħt pressjoni kbira minħabba l-ammont ta’ kawżi, dewmien fil-Qrati u diskussjonijiet kontinwi dwar ir-riżorsi u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
Għalhekk, il-ħatra li jmiss mhijiex biss kwistjoni ta’ min se jmexxi l-qrati, iżda wkoll sinjal politiku dwar kemm il-partiti l-kbar huma kapaċi jilħqu ftehim fuq ħatriet istituzzjonali sensittivi.
Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-pajjiż jirriskja li jerġa’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn kariga ewlenija tibqa’ mdendla minħabba nuqqas ta’ kunsens politiku. Dan jista’ jżid il-pressjoni fuq il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jispjegaw fejn waslu d-diskussjonijiet u għaliex il-proċess għadu ma ngħalaqx.
S’issa, la l-Gvern u lanqas il-Partit Nazzjonalista ma ħabbru pubblikament jekk hemmx kandidat maqbul jew jekk il-laqgħat bejn iż-żewġ naħat humiex se jerġgħu jibdew dalwaqt.
Din il-gazzetta talbet lill-partijiet jikkonfermaw jekk sarux aktar laqgħat wara l-elezzjoni, jekk id-diskussjonijiet għadhomx għaddejjin, u x’inhu l-punt li qed iżomm milli jintlaħaq ftehim.