Enemalta nediet il-proċess ta’ procurement għal żewġ cables ġodda tal-elettriku taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, bil-għan li tlaħħaq maż-żieda fid-domanda u tappoġġja aktar żvilupp fil-gżira.
Iż-żewġ cables se jkunu ta’ 33kV u jiffurmaw parti minn programm usa’ ta’ investiment biex tissaħħaħ il-kapaċità tan-network tal-elettriku.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava qal li dawn l-investimenti se jgħinu lill-iżvilupp kontinwu ta’ Għawdex, iż-żieda fl-elettrifikazzjoni u l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli.
Kull cable se jkun twil madwar tmien kilometri, bil-kuntrattur magħżul ikun responsabbli mid-disinn, il-manifattura, l-installazzjoni, l-ittestjar u t-tħaddim finali tagħhom.
Madankollu, il-proċess għadu fl-ewwel fażi, bil-kumpaniji interessati l-ewwel iridu jgħaddu minn proċess ta’ pre-qualification qabel ma jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tender.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli rabtet il-proġett mal-pjan usa’ tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija, u qalet li dan huwa pass ieħor fl-implimentazzjoni tal-Energy Shift u fit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura tal-elettriku.
Fl-istess waqt, Enemalta qed tkompli tħejji għal konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer, li mistennija tipprovdi kapaċità ferm akbar.
Il-pjan ta’ investiment fuq disa’ snin jinkludi wkoll żewġ distribution centres ġodda, wieħed f’Għajnsielem u ieħor li jservi ż-żona tar-Rabat u Ta’ Kerċem.
Flimkien, dawn il-proġetti huma maħsuba biex jilqgħu għad-domanda futura għall-elettriku u jagħmluha aktar faċli biex aktar enerġija rinnovabbli tidħol fin-network.