Agius u Delia jipproponu skema ta’ €15-il miljun fis-sena għal kunsinni b’xejn f’Malta
Il-proposta tal-PN għandha l-għan li ttaffi l-ispejjeż ogħla fuq xiri minn barra l-UE, filwaqt li tħeġġeġ aktar bejgħ minn negozji Maltin u Ewropej
minn Jaelle Borg
L-MEP Peter Agius u d-deputat tal-PN Adrian Delia qed jipproponu skema ta’ €15-il miljun fis-sena biex negozji jkunu jistgħu joffru kunsinni b’xejn lill-konsumaturi f’Malta.
Il-proposta tressqet fit-3 ta’ Ottubru fl-isfond ta’ tariffi ġodda fuq importazzjonijiet ta’ valur baxx minn barra l-Unjoni Ewropea, li skont iż-żewġ politiċi qed iżidu l-ispiża għall-konsumaturi Maltin.
“Għandna bżonn approċċ differenti li jaħdem fl-interess tal-konsumaturi Maltin, filwaqt li nappoġġjaw ukoll lill-produtturi lokali u lin-negozji żgħar,” qal Delia.
Skont l-istqarrija tagħhom, tariffa doganali introdotta dan is-sajf qed iżżid €3.54 fuq kull oġġett importat miċ-Ċina, mir-Renju Unit u minn pajjiżi oħra barra l-UE.
Huma qalu li minn Novembru mistennija tidħol ukoll handling fee ta’ €2, li twassal l-ispiża addizzjonali għal €5.54 għal kull oġġett.
Agius u Delia qalu li l-għan ta’ dawn it-tariffi huwa li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jixtru prodotti Ewropej. Madankollu, sostnew li l-ispejjeż għoljin tal-kunsinna lejn Malta jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi biex jagħżlu alternattivi minn bejjiegħa Ewropej jew lokali.
Huma rreferew ukoll għal Island Strategy tal-Kummissjoni Ewropea, li skonthom tirrikonoxxi l-problemi ta’ kunsinna lejn il-gżejjer minħabba aċċess limitat, territorji frammentati u ekonomiji ta’ skala iżgħar.
Skont l-istqarrija tagħhom, il-kunsinna lejn il-gżejjer tista’ tiswa sa 300% aktar milli lejn il-kontinent Ewropew.
Kif taħdem l-iskema
Il-proposta tipprevedi grants sa €30,000 għal kull negozju biex ikopru spejjeż ta’ trasport sa massimu ta’ €3 għal kull kategorija ta’ oġġett ikkunsinnat f’Malta.
Biex jibbenefikaw mill-iskema, in-negozji jkunu obbligati joffru kunsinna b’xejn lill-konsumaturi.
L-iskema tkun miftuħa għal negozji żgħar u medji bbażati fl-UE li jbigħu lill-konsumaturi Maltin, inklużi manifatturi li għandhom il-pjattaformi tagħhom stess u negozji li joperaw bħala pick-up points għal bejjiegħa Ewropej.
Jistgħu jipparteċipaw ukoll negozji li jbigħu prodotti li diġà jinsabu f’ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea.
Il-ħlasijiet lura lill-operaturi jsiru kull sitt xhur, suġġetti għal limitu ta’ €30,000 għal kull applikazzjoni.
L-iskema proposta tkun qed topera fl-2027 u l-2028, b’budget annwali ta’ €15-il miljun u bil-possibbiltà li tiġi estiża.
Sejħa għal expressions of interest tkun ippjanata għall-2026, qabel ma l-iskema tibda f’Jannar 2027.
Jipproponu finanzjament Ewropew
Agius u Delia qed jipproponu li l-Gvern jiffinanzja l-iskema inizjalment u mbagħad japplika għal fondi Ewropej biex ikopri sa 75% tal-ispiża għal parti mill-2027 u għall-2028.
Huma rrikonoxxew li dan il-finanzjament ma jkunx awtomatiku u jkun jeħtieġ applikazzjoni.
Il-proposta jkollha wkoll tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, għalkemm huma sostnew li għandha tkun aċċettabbli peress li tkun miftuħa għal SMEs Ewropej irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.
Agius qal li l-iskema tista’ tinkoraġġixxi aktar investiment minn negozji f’online sales, pick-up points u networks ta’ distribuzzjoni.
Huwa semma wkoll programmi Ewropej eżistenti li jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u l-bejgħ online bħala rotta possibbli għal finanzjament.
Delia, min-naħa tiegħu, appella lill-Gvern biex jikkunsidra l-proposta fil-kuntest tal-Budget li ġej.
“Din m’għandhiex għalfejn tkun kwistjoni politika; ejja ningħaqdu biex nużaw l-Ewropa għall-aħjar interess taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji tagħna,” qal.
