MaltaPost twissi dwar tariffi ġodda fuq kunsinni minn pajjiżi barra l-UE


MaltaPost wissiet li prodotti mixtrija minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea se jibdew ikunu soġġetti għal dazju doganali ġdid, anke jekk il-valur tagħhom ikun inqas minn €150

MaltaPost fakkret lill-pubbliku li mill-1 ta’ Lulju se jidħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea li se jneħħu l-eżenzjoni mid-dazju doganali għal oġġetti importati minn barra l-UE b’valur ta’ inqas minn €150.

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, il-kumpanija qalet li l-bidla ġejja wara regolament approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jintroduċi sistema ġdida ta’ dazji fuq importazzjonijiet ta’ valur baxx li jidħlu fil-blokk minn pajjiżi terzi.

Skont MaltaPost, il-miżura se tibqa’ fis-seħħ sa Lulju tal-2028, meta jkun implimentat il-qafas il-ġdid tar-riforma doganali Ewropea flimkien maċ-Ċentru tad-Data Doganali tal-UE.

Bil-bidliet il-ġodda, prodotti li jiswew sa €150 u li jintbagħtu minn barra l-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju.

Minflok, se japplika dazju fiss ta’ €3 għal kull kategorija ta’ prodott, skont il-klassifikazzjoni doganali tiegħu. Dan ifisser li l-ħlas finali jiddependi fuq kemm-il kategorija differenti ta’ prodotti tkun tinkludi l-ordni.

MaltaPost spjegat li jekk xirja waħda tinkludi oġġetti li jaqgħu taħt aktar minn kategorija waħda, il-konsumatur jista’ jkollu jħallas aktar minn dazju wieħed.

Bħala eżempju, ordni li tinkludi prodotti minn żewġ kategoriji differenti tkun soġġetta għal total ta’ €6 f’dazji doganali qabel ma jiġi applikat il-VAT.

Il-kumpanija wissiet ukoll li dawn il-ħlasijiet jistgħu japplikaw anke meta x-xiri jsir minn pjattaformi bbażati fl-Unjoni Ewropea, jekk il-merkanzija tkun qed tintbagħat minn pajjiż barra l-UE.

Min-naħa l-oħra, prodotti li l-valur tagħhom jaqbeż il-€150 se jibqgħu jiġu trattati skont ir-regoli u r-rati doganali li diġà japplikaw illum.

MaltaPost ħeġġet lill-klijenti biex jikkonsultaw il-linji gwida maħruġa mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta għal aktar informazzjoni dwar kif dawn il-bidliet se jaffettwaw ix-xiri online minn barra l-Unjoni Ewropea.

More in Kronaka