Il-Parlament Ewropew jivvota favur Daniel Attard fil-każ marbut ma’ Huawei

Il-vot jagħlaq il-kwistjoni dwar it-talba tal-awtoritajiet Belġjani biex jinvestigaw lill-MEP Malti fil-kuntest ta’ allegat każ ta’ korruzzjoni marbut ma’ Huawei

Il-Parlament Ewropew ivvota favur iż-żamma tal-immunità parlamentari tal-MEP Laburista Daniel Attard, f’deċiżjoni li effettivament tagħlaq il-kapitlu tal-investigazzjoni li fiha kien ġie involut mill-awtoritajiet Belġjani b’rabta ma’ allegat każ ta’ korruzzjoni li jinvolvi lill-kumpanija Ċiniża tat-teknoloġija Huawei.

Il-vot li sar nhar it-Tlieta kkonferma wkoll l-immunità taż-żewġ MEPs oħra involuti fil-każ, il-Bulgaru Nikola Minchev u t-Taljan Salvatore De Meo.

Id-deċiżjoni tfisser li l-investigaturi Belġjani mhux se jkunu jistgħu jkomplu bl-aċċess għal komunikazzjonijiet privati ta’ Attard, fosthom emails, rekords tat-telefonati u materjal ieħor relatat mal-investigazzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-Parlament Ewropew approva t-tneħħija tal-immunità tal-MEP Taljan Fulvio Martusciello. Dan huwa meqjus bħala l-promotur ta’ ittra ffirmata minn tmien membri parlamentari fl-2021 li kienet tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ma timponix projbizzjoni fuq tagħmir barrani tal-5G minħabba argumenti ta’ sigurtà nazzjonali.

L-investigazzjoni Belġjana kienet tiffoka fuq suspetti li ċerti MEPs setgħu rċevew rigali jew benefiċċji minn Huawei bi skambju għal pożizzjonijiet favorevoli fil-Parlament Ewropew.

Aktar kmieni din is-sena, il-prosekuturi Belġjani kienu talbu formalment li titneħħa l-immunità ta’ Attard. Madankollu, kumitat parlamentari Ewropew kien irrakkomanda li din it-talba tiġi miċħuda wara li sab nuqqas serju ta’ evidenza konkreta fil-fajl ippreżentat mill-awtoritajiet Belġjani.

Ir-rapport tal-kumitat irrimarka wkoll li l-allegazzjonijiet inizjali kienu bbażati fuq każ ta’ identità żbaljata. Fil-fatt, il-prosekuturi Belġjani ammettew li kienu inizjalment identifikaw bi żball lil Daniel Attard, il-MEP, meta l-persuna li kienet ġiet indikata kienet Daniel Attard ieħor, is-sindku tal-Għasri u avukat.

Skont l-investigazzjoni, il-kont bankarju li kien ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet minħabba tranżazzjonijiet ma’ persuni fiċ-Ċina u Ħong Kong kien jappartjeni lis-sindku tal-Għasri, li fil-prattika legali tiegħu joffri servizzi lil klijenti internazzjonali, inklużi ċittadini Ċiniżi.

Meta ħarġet l-aħbar tal-investigazzjoni, Daniel Attard kien talab hu stess biex titneħħa l-immunità tiegħu sabiex ikun jista’ jneħħi kull dubju dwar ismu.

Wara li ħarġet l-informazzjoni dwar il-każ ta’ identità żbaljata, l-avukati tal-MEP kitbu lill-awtoritajiet Belġjani biex jitolbu li ismu jitneħħa mill-investigazzjoni u li tiġi rtirata t-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu.

More in Kronaka