Ħaddiem iweġġa’ waqt xogħol ta’ twaqqigħ f’Ħaż-Żebbuġ – jitwaqqaf ix-xogħol kollu fuq is-sit

Il-BCA u l-OHSA ordnaw il-waqfien immedjat tax-xogħlijiet wara l-inċident. Il-kundizzjoni tal-ħaddiem għadha mhix magħrufa

Ħaddiem sofra ġrieħi waqt xogħlijiet ta’ twaqqigħ f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħaż-Żebbuġ, bil-awtoritajiet jordnaw li jitwaqqaf ix-xogħol kollu sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet.

L-inċident seħħ f’sit li jinsab fi Sqaq Nru 1, Triq Ħal-Dwieli, f’Ħaż-Żebbuġ.

Fi stqarrija konġunta maħruġa t-Tlieta, 3 ta’ Novembru, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) spjegaw li mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li l-ħaddiem weġġa’ waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ twaqqigħ.

Uffiċjali miż-żewġ awtoritajiet marru minnufih fuq il-post, flimkien mal-Pulizija u s-servizzi tal-ewwel għajnuna.

Il-BCA u l-OHSA kkonfermaw li qed jassistu fl-investigazzjonijiet biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi tal-inċident.

Sadanittant, l-awtoritajiet ordnaw il-waqfien tax-xogħlijiet kollha fuq is-sit.

Għadu ma ngħata l-ebda tagħrif dwar il-gravità tal-ġrieħi jew il-kundizzjoni tal-ħaddiem.

More in Kronaka