12-il siegħa jgħum bla waqfien: Neil Agius jistieden lill-Maltin jingħaqdu miegħu għall-Istrina

Wara li kiser rekords dinjija fl-għawm, Neil Agius qed iħejji sfida differenti għal Jum San Stiefnu: mijiet ta’ għawwiema se jkunu jistgħu jaqsmu l-ilma miegħu biex jinġabru fondi għal dawk fil-bżonn

Neil Agius se jgħum għal 12-il siegħa bla waqfien fil-pixxina ta’ Neptunes fis-26 ta’ Diċembru, filwaqt li jistieden lill-pubbliku jingħaqad miegħu biex jinġabru fondi għall-Istrina
Neil Agius se jgħum għal 12-il siegħa bla waqfien fil-pixxina ta’ Neptunes fis-26 ta’ Diċembru, filwaqt li jistieden lill-pubbliku jingħaqad miegħu biex jinġabru fondi għall-Istrina

Għal Neil Agius, li jqatta’ sigħat sħaħ jgħum fil-baħar u li diġà għandu rekords dinjija f’ismu, sfida ta’ 12-il siegħa fl-ilma mhijiex xi ħaġa ġdida. Iżda din id-darba mhux se jkun qed jgħum waħdu, u lanqas mhu se jkun qed jipprova jikser xi rekord.

Fis-26 ta’ Diċembru, Jum San Stiefnu, l-atleta Malti se jqatta’ 12-il siegħa jgħum bla waqfien fil-pixxina ta’ Neptunes, filwaqt li jistieden lill-pubbliku jingħaqad miegħu fl-ilma biex jinġabru fondi għall-Istrina.

L-inizjattiva, bl-isem Ngħumu Flimkien Għal L-Istrina, mistennija tlaqqa’ mijiet ta’ għawwiema ta’ etajiet u livelli differenti, kollha b’għan komuni: li jgħinu lill-persuni u lill-familji li jiddependu mill-appoġġ tal-Malta Community Chest Fund.

Mhux importanti kemm tgħum, iżda li tieħu sehem

Filwaqt li Agius se jkun qed jgħum kontinwament għal 12-il siegħa, dawk li jixtiequ jingħaqdu miegħu mhux se jkollhom għalfejn jagħmlu xi distanza partikolari.

Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jagħżlu sessjonijiet ta’ għawm matul il-ġurnata u jagħtu donazzjoni lill-Istrina bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħhom.

L-organizzaturi qed jenfasizzaw li din mhijiex kompetizzjoni ta’ reżistenza jew veloċità. Kemm jekk persuna tgħum ftit tulijiet tal-pixxina kif ukoll jekk tagħmel sessjoni itwal, kull parteċipazzjoni se tkun parti mill-isforz kollettiv.

Anke dawk li ma jgħumux huma mistiedna jattendu biex jagħtu kuraġġ lill-parteċipanti jew jagħmlu donazzjoni.

Il-paternità tat tifsira ġdida lill-isfida

Għal Agius, l-inizjattiva għandha wkoll tifsira personali, hekk kif din is-sena sar missier.

Huwa spjega li l-paternità ġegħlitu jaħseb aktar dwar it-tip ta’ komunità li jixtieq li ibnu jikber fiha: waħda fejn in-nies jieħdu ħsieb lil xulxin u jgħinu kull meta jistgħu.

Agius qal li l-għan mhuwiex li jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li se jqatta’ 12-il siegħa jgħum, iżda li jlaqqa’ lin-nies flimkien biex jagħmlu xi ħaġa pożittiva.

Skontu, kulħadd għandu sehem x’jagħti, kemm jekk jidħol fl-ilma, kemm jekk imur jagħti kuraġġ minn barra l-pixxina, kif ukoll jekk jikkontribwixxi permezz ta’ donazzjoni.

L-atleta sostna li l-għawm huwa dak li se jlaqqa’ lill-parteċipanti, iżda l-għan ewlieni huwa li jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità.

Minn 142 kilometru madwar Malta għal sfida mal-pubbliku

Neil Agius huwa magħruf għall-isfidi estremi tiegħu fl-għawm, li matul is-snin wassluh biex jikser rekords dinjija.

F’Settembru tal-2025, huwa temm l-isfida Gozo7, li matulha għam madwar Għawdex kuljum għal sebat ijiem konsekuttivi.

Sena qabel, fl-2024, kien stabbilixxa t-tieni rekord dinji tiegħu meta għam 142.3 kilometru madwar il-Gżejjer Maltin f’60 siegħa u 35 minuta.

B’dik l-isfida kien qabeż ir-rekord tiegħu stess, li kien stabbilixxa fl-2021.

Din id-darba, iżda, l-enfasi se tkun differenti.

Minflok distanza rekord jew prova ta’ kemm jiflaħ jgħum waħdu, Agius irid juża l-esperjenza tiegħu biex iħeġġeġ lil oħrajn jingħaqdu miegħu għal kawża li tmiss il-ħajja ta’ diversi familji Maltin u Għawdxin.

L-isfida se tkun parti mix-xandira tal-Istrina

L-attività se tifforma parti mill-kopertura televiżiva tal-Istrina, biex l-isforz li jkun qed isir fil-pixxina ta’ Neptunes jingħaqad mal-ġbir nazzjonali ta’ fondi.

Minbarra l-individwi, qed jiġu mistiedna wkoll klabbs tal-għawm, kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra biex jipparteċipaw jew jappoġġjaw l-inizjattiva.

Il-pubbliku jista’ jattendi matul il-ġurnata, anke mingħajr ma jidħol fl-ilma.

Għal Agius, il-messaġġ wara l-isfida huwa wieħed sempliċi: din id-darba, is-suċċess mhux se jitkejjel bil-kilometri li jgħum, iżda bin-nies li jingħaqdu flimkien biex jgħinu lil ħaddieħor.

More in Kronaka