L-ekonomija Maltija kibret b’3.9% matul l-ewwel kwart tal-2026 meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, skont stimi proviżorji maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Iċ-ċifri ġew ippubblikati ftit sigħat wara li l-NSO ħabbret li mhux se tkun qed toħroġ statistika oħra relatata mal-finanzi tal-Gvern u l-qgħad nhar il-Ġimgħa, “b’osservanza għal reflection day”.
Id-deċiżjoni, li ħafna qed iqisu bħala waħda bla preċedent, tfisser li dawn id-data sets issa se jiġu ppubblikati biss wara l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt.
Skont l-NSO, il-prodott gross domestiku (GDP) laħaq €6.2 biljun bejn Jannar u Marzu tal-2026.
Dan jirrappreżenta żieda ta’ €402.2 miljun jew 7% meta mqabbel mal-istess kwart tal-2025.
L-NSO qalet ukoll li l-GDP deflator — kejl tal-bidliet fil-prezzijiet madwar l-ekonomija — żdied bi 3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
It-tkabbir ekonomiku kien immexxi prinċipalment mis-settur tas-servizzi, li waħdu kkontribwixxa 3.5 punti perċentwali għaż-żieda fil-gross value added.
L-industrija żiedet 0.3 punti perċentwali oħra, filwaqt li l-agrikoltura u s-sajd kellhom impatt negattiv żgħir.
Fost is-setturi li rreġistraw l-akbar tkabbir kien hemm is-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li kibru b’9%.
Warajhom ġew is-settur tal-informatika u komunikazzjoni b’5.3% u l-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi b’4.7%.
Minn perspettiva ta’ infiq, id-domanda domestika kienet responsabbli għal 3.6 punti perċentwali tat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li d-domanda barranija żiedet 0.3 punti oħra.
L-infiq finali tal-konsum żdied b’5%, filwaqt li n-nefqa tal-familji kibret bi 3.8%.
In-nefqa tal-Gvern telgħet b’8.5%, filwaqt li żdied ukoll l-investiment kapitali.
L-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi komplew jikbru wkoll, b’żidiet ta’ 4.9% u 5.6% rispettivament.
L-NSO qalet li ż-żieda ta’ €402.2 miljun fil-GDP nominali kienet dovuta prinċipalment għal żieda ta’ €232.5 miljun fil-pagi tal-ħaddiema.
Żdied ukoll il-gross operating surplus u d-dħul imħallat, filwaqt li telgħu wkoll it-taxxi fuq produzzjoni u importazzjoni.
Il-gross national income ta’ Malta kien stmat għal €5.6 biljun fl-ewwel kwart tas-sena.
Madankollu, l-NSO fakkret li ċ-ċifri huma proviżorji u jistgħu jiġu riveduti aktar ’il quddiem.
Il-Gvern laqa’ ċ-ċifri bħala prova tar-“reżiljenza ekonomika” tal-pajjiż.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li Malta qed tikber b’rata madwar ħames darbiet aktar mgħaġġla mill-bqija taż-żona ewro.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna dan fuq il-midja soċjali u qal li waqt li t-tkabbir fiż-żona ewro niżel għal 0.8%, Malta rreġistrat tkabbir ta’ 3.9%.
Abela qal ukoll li d-dħul tal-ħaddiema żdied b’rata doppja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku.
Skont il-Gvern, kważi nofs it-tkabbir ekonomiku ġie minn konsum domestiku aktar b’saħħtu, filwaqt li d-dħul tal-ħaddiema laħaq rekord ta’ €2.8 biljun.
Il-Gvern sostna wkoll li kwart taż-żieda fil-pagi kienet marbuta mal-ftehim kollettiv ġdid tal-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Minn naħa internazzjonali, il-Gvern qal li l-esportazzjonijiet żdiedu bi kważi €288 miljun minkejja sfidi ekonomiċi globali u tariffi imposti mill-Istati Uniti.
Skont il-Gvern, il-kompetittività tan-negozji Maltin baqgħet b’saħħitha wkoll għax Malta ma introduċietx taxxi ġodda u żammet prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Il-Gvern żied jgħid li kważi kwart tat-tkabbir ekonomiku ġie mis-settur diġitali, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet minn servizzi professjonali, amministrattivi, finanzjarji u s-settur tal-lukandi u r-ristoranti.