L-Ukrajna titlob l-appoġġ ta’ Malta kontra l-kummerċ Russu ta’ qamħ misruq

Chris Fearne u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Andrii Sybiha jiddiskutu wkoll ix-“shadow fleet” Russa, is-sigurtà fil-Baħar l-Iswed u aktar appoġġ għas-settur tal-enerġija Ukren

L-Ukrajna talbet l-appoġġ ta’ Malta biex jissaħħu l-isforzi internazzjonali kontra dak li qed tiddeskrivi bħala kummerċ illegali Russu ta’ qamħ misruq mill-Ukrajna.

It-talba saret waqt telefonata bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Chris Fearne u l-kontroparti Ukren tiegħu Andrii Sybiha, fl-okkażjoni tal-35 anniversarju mill-indipendenza tal-Ukrajna.

Fearne qal li Malta se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna quddiem l-aggressjoni Russa, kif ukoll fil-monitoraġġ tax-“shadow fleet” fil-Mediterran.

Min-naħa tiegħu, Sybiha ddeskriva t-taħdita bħala waħda “produttiva”, u qal li ż-żewġ ministri ddiskutew kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Ukrajna, kif ukoll l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja Kyiv.

Parti mid-diskussjoni ffukat fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed u l-ħtieġa li jiġu protetti l-libertà tan-navigazzjoni, il-portijiet Ukreni u l-kuritur marittimu li jintuża għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tal-pajjiż.

Sybiha qal li talab lil Malta tappoġġja l-isforzi għall-protezzjoni tat-tbaħħir ċivili u biex tissaħħaħ il-ħidma internazzjonali kontra l-kummerċ Russu ta’ qamħ li l-Ukrajna tgħid li nsteraq mit-territorju tagħha.

Iż-żewġ ministri tkellmu wkoll dwar l-għajnuna meħtieġa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ukrena qabel ix-xitwa. Sybiha saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kontribuzzjonijiet għall-Ukraine Energy Support Fund.

Fost is-suġġetti diskussi kien hemm ukoll aktar sanzjonijiet kontra r-Russja, b’mod partikolari miżuri kontra x-“shadow fleet” u n-networks li, skont Kyiv, qed jgħinu biex jiffinanzjaw il-gwerra.

Sybiha rrefera għall-Global Centre for Maritime Sanctions Monitoring ibbażat fil-Belt Valletta, li qal għandu rwol importanti fil-monitoraġġ marittimu, fl-iskambju ta’ informazzjoni u fil-ġlieda kontra tentattivi biex jiġu evitati s-sanzjonijiet.

Huwa qal li Malta u l-Ukrajna qablu dwar il-ħtieġa li jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jitnaqqsu d-dħul li r-Russja tista’ tuża biex tiffinanzja l-gwerra.

Sybiha appella wkoll għal sanzjonijiet aktar b’saħħithom immirati lejn is-sistemi u l-provvisti wara l-produzzjoni Russa ta’ missili u drones, filwaqt li qal li l-Ukrajna tapprezza ħafna s-solidarjetà murija minn Malta.

More in Kronaka