L-Intelliġenza Artifiċjali se tintuża fiċ-ċentru nazzjonali l-ġdid tal-kontroll tat-traffiku ta’ Transport Malta sabiex tkun ta' għajnuna fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-immaniġġjar tat-traffiku u l-infrastruttura u sabiex ittejjeb il-fluss tat-traffiku f’Malta u Għawdex.
Netwerk ta’ sistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali, radars, u kameras mifruxa madwar Malta se jippermetti l-ġbir u l-analiżi tad-dejta relatata max-xejriet tal-fluss tal-vetturi fit-toroq tal-pajjiż.
L-investiment tħabbar mill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett waqt żjara fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kontroll u d-Dejta tat-Traffiku, li se jservi bħala l-bażi teknoloġika għall-monitoraġġ u l-immaniġġjar tat-trasport madwar Malta u Għawdex.
“L-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali hija waħda mill-aktar investimenti meħtieġa,” qal Bonett, waqt li spjega li ċ-ċentru se jkun qiegħed jgħin f’deċiżjonijiet strateġiċi rigward id-devjazzjonijiet tat-traffiku u l-interventi infrastrutturali.
Transport Malta qalet li qiegħda tistenna wkoll il-wasla ta’ servers tal-ġbir tad-dejta b’kapaċità għolja. L-aġġornamenti se jiffurmaw parti minn proġetti oħra bħal C-SAM, li se jipprovdi teknoloġija ddedikata sabiex ittejjeb is-sigurta' fit-toroq għaċ-ċiklisti u l-persuni li jivvjaġġaw bil-mixi.
Is-CEO ta’ Transport Malta Kurt Farrugia qal li s-sistemi tas-softwer se jippermettu lill-organizzazzjoni sabiex jittieħdu deċiżjonijiet relatati mal-infrastruttura tat-toroq, it-trasport pubbliku, u t-trasport bil-baħar f’ħin reali.
Kenneth Spiteri; maniġer fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kontroll tat-Traffiku u d-Data; spjega li s-sistemi kollha se jkunu integrati taħt pjattaforma waħda, filwaqt li sostna li s-sistema se tkun tista’ tiġi aġġornata kontinwament permezz tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.