Il-Bord tal-Eżamijiet tal-MATSEC ħabbar li se jsiru bidliet fid-dati u fil-postijiet tal-eżamijiet skedati għall-aħħar ta’ Mejju, wara l-konferma mill-gvern li l-elezzjoni ġenerali se ssir fit-30 ta’ Mejju 2026.
Dawn il-bidliet jaffettwaw lill-kandidati li kellhom joqogħdu għall-eżamijiet fid-29 u t-30 ta’ Mejju. L-eżamijiet skedati għat-30 ta’ Mejju ġew ikkanċellati kompletament u se jsiru f’dati ġodda, filwaqt li għal xi kandidati nbidlu wkoll il-postijiet tal-eżamijiet fid-29 ta’ Mejju.
Fil-29 ta’ Mejju, il-maġġoranza tal-eżamijiet se jsiru kif ippjanat, iżda żewġ gruppi ta’ kandidati ġew assenjati f’postijiet differenti. Kandidati li oriġinarjament kellhom jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’St Theresa College, il-Vincenzo Borg Brared Middle School f’Birkirkara, issa se jmorru St Ignatius College Mikiel Anton Vassalli Secondary School.
Sadanittant, kandidati fil-Maria Regina College Zokrija Secondary School se jibqgħu fl-istess skola, iżda se jitmexxew minn Block Delta/Epsilon għal Block Kappa/Sigma.
Il-postijiet l-oħra kollha fid-29 ta’ Mejju jibqgħu l-istess, filwaqt li fit-30 ta’ Mejju mhux se jsir ebda eżami.
Il-karti kollha tal-Art li kienu skedati għal dak il-jum ġew imċaqalqa għall-1 u t-2 ta’ Ġunju. SEC Art Paper 1 issa se jsir nhar it-Tnejn, 1 ta’ Ġunju fl-4pm, u Paper 2 nhar it-Tlieta, 2 ta’ Ġunju fl-4pm. L-eżamijiet tal-Intermediate u Advanced Art Paper 1 se jsiru nhar it-Tnejn, 1 ta’ Ġunju fid-9am, filwaqt li Advanced Art Paper 2 se jsir aktar tard dakinhar fl-4pm.
Il-Bord spjega li l-eżamijiet kollha li ġew imċaqalqa se jsiru fil-postijiet oriġinarjament assenjati lil kull kandidat.
Kandidati li għandhom xi mistoqsijiet jistgħu jikkuntattjaw lill-bord permezz tal-email [email protected]