Sajjieda Sqallin jheddu li jibdlu l-bandiera Taljana għal waħda Maltija

Il-prezzijiet għoljin tad-diesel qed iġiegħlu lis-sajjieda jikkunsidraw miżuri drastici, fosthom tibdil fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u azzjonijiet ta’ protesta kontra l-gvern Taljan

Ritratt: L'Adige
Ritratt: L'Adige

Is-sajjieda Sqallin u Kalabriżi qed jikkunsidraw azzjoni drastika hekk kif qed jiddiskutu jekk jimblukkawx l-Istrett ta’ Messina fl-1 ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem, bħala forma ta’ protesta kontra l-prezzijiet għoljin tad-diesel li qed jolqtu bis-sħiħ lill-industrija tas-sajd.

Il-federazzjoni li tirrappreżenta lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd fi Sqallija (Fas), flimkien mal-assoċjazzjoni tas-sajjieda professjonali, appellaw lill-gvern Taljan biex jintroduċi limitu fuq il-prezzijiet tad-diesel. Dawn issa qabżu l-€2 għal kull litru, żieda attribwita għall-konsegwenzi tal-gwerra mal-Iran.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet mistennija jiltaqgħu aktar tard illum biex jieħdu deċiżjoni finali dwar jekk iwettqux il-blokk tal-Istrett ta’ Messina permezz ta’ dgħajjes tas-sajd – passaġġ marittimu kruċjali għall-kummerċ u t-trasport.

Skont rapporti fil-midja reġjonali, xi sajjieda qed jheddu wkoll li jabbandunaw ir-reġistrazzjoni Taljana u jirreġistraw il-bastimenti tagħhom taħt bandiera Maltija jew Tuneżina, jekk il-gvern ma jilqax it-talbiet tagħhom.

Filwaqt li fl-Italja l-prezzijiet tal-fjuwil qed jogħlew b’mod qawwi, f’Malta dawn baqgħu stabbli grazzi għas-sussidji tal-gvern introdotti fl-2022 wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Id-diesel fil-pompi Maltin qed jinbiegħ madwar €1.21 għal kull litru.

Barra minn hekk, is-sajjieda Maltin jibbenefikaw minn għajnuna addizzjonali marbuta mal-kwantità ta’ ħut li jinbiegħ fil-pixkerija. Id-diesel jibqa’ l-akbar spiża operattiva għal dan is-settur.

Is-sajjieda Sqallin u Kalabriżi qed iwissu li jekk il-prezzijiet jibqgħu għoljin, jista’ jkun hemm konsegwenzi serji bħal telf ta’ impjiegi, bejgħ ta’ bastimenti u anke t-tkissir tagħhom kompletament.

Huma qed jinsistu li l-gvern immexxi minn Giorgia Meloni għandu jonora l-wegħdiet elettorali tiegħu biex jipproteġi u jappoġġja industriji tradizzjonali bħas-sajd.

More in Kronaka