Inħarġet sejħa sabiex tiġi diskussa l-possibbiltà li tintuża enerġija rinnovabbli minn proġetti fl-Afrika ta’ Fuq bħala parti mid-diversifikazzjoni tal-enerġija ta’ Malta.
Waqt konferenza organizzata mill-Awtorità tal-Azzjoni Klimatika, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli enfasizzat li fil-klima internazzjonali attwali, qiegħed sisir dejjem aktar ċar kemm hu kruċjali għal Malta li tiffoka fuq pjan ċar fis-settur tal-enerġija.
Is-CEO ta’ Interconnect Malta Ismail D’Amato qal li l-għan tal-inizjattiva huwa li tesplora l-vijabbiltà ta’ provvista bażika ta’ enerġija rinnovabbli li ttaffi l-varjabbiltà tas-sorsi rinnovabbli tradizzjonali.
Huwa spjega li l-proġett se jipprovdi stabbiltà fil-prezzijiet u protezzjoni għall-familji u n-negozji Maltin kontra l-volatilità tas-swieq globali tal-fjuwils fossili billi juża kuntratt bi prezz fiss ta’ 25 sena.
Dan iseħħ wara kunflitti reċenti fil-Lvant Nofsani u l-Ukrajna li kkawżaw tfixkil sever fid-distribuzzjoni tal-enerġija, u dan juri li d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili toħloq riskju kbir għall-istabbiltà ekonomika.
Mexxejja madwar id-dinja appellaw għal aktar investiment fl-enerġija rinnovabbli bħala imperattiv strateġiku biex tiġi żgurata s-sigurtà, hekk kif il-Kap tal-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti Simon Stiell iddikjara li żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija b'riżultat tal-gwerer attwali jikxfu l-vulnerabbiltajiet li huma inerenti fl-industrija taż-żejt u l-gass.
Fl-2025, il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Afrika nnutat li l-kontinent għandu 60% tal-potenzjal solari tad-dinja, iżda jattira inqas minn 3% tal-finanzjament globali tal-enerġija.
“Malta se tkun qiegħda tesplora l-possibbiltajiet li jeżistu,” qalet Dalli. Hija żiedet tgħid li l-gvern qiegħed jevalwa il-fattibbiltà tal-proposta u jesplora għażliet sabiex aktar tard ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Is-sejħa tal-gvern se tikkunsidra proposti li joffru taħlita bilanċjata ta’ riżorsi kemm mill-enerġija solari kif ukoll mir-riħ.
Il-ministru spjegat wkoll li x-xogħol fuq it-tieni interconnecter ma’ Sqallija miexi sew, u li l-proċess għall-proġett ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mir-riħ offshore barra l-ibħra territorjali ta’ Malta għadu għaddej.
Is-CEO tal-Awtorità tal-Azzjoni Klimatika Abigail Cutajar iddikjarat li “It-tibdil fil-klima ma waqafx jistenna li nsolvu dawn il-kunflitti, u l-effetti ewlenin tiegħu xorta se jinħassu.”