Jannar bi rjiħat u temp abnormali

 Ix-xitwa ta’ din is-sena, b’mod partikolari Jannar, kienet ikkaratterizzata minn ammonti ta’ xita u riħ ferm ogħla min-norma klimatika ta’ Malta, b’kundizzjonijiet tat-temp instabbli kkawżati minn maltempati u sistemi ta’ pressjoni baxxa li affettwaw iċ-ċentru tal-Mediterran

L-Uffiċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li x-xitwa s’issa, b’mod partikolari Jannar ta’ din is-sena, ma kinitx skont in-norma klimatika ta’ Malta.

Il-kelliem spjega li n-norma klimatika tax-xitwa Maltija hija bbażata fuq l-informazzjoni tat-temp tal-aħħar 30 sena (mill-1991 sal-2020). In-norma tax-xita għal Jannar hija 79.3mm u n-norma tar-riħ għall-istess xahar hija 8.9 knots. Filwaqt li f’Jannar ta’ din is-sena rajna 112.4mm ta’ xita u 12.6 knots ta’ riħ. L-aktar buffura b’saħħitha ta’ riħ F’Jannar kienet 53.3 knots, meta n-norma tal-buffura f’Jannar hija 42.5 knots.

Dan kien riżultat tal-maltempata Harry li laqtet lill-gżejjer Maltin f’Jannar. Ir-riħ waqt din il-maltempata laħaq Forza 9 fuq l-iskala Beaufort, b’veloċità medja li tvarja bejn 34 u 40 knots. It-temp ħażin kien ikkawżat minn żona ta’ pressjoni baxxa li qed tissaħħaħ fuq l-Alġerija u estendiet lejn iċ-ċentru tal-Mediterran u ssaħħet hekk kif timxi fuq it-Tuneżija. Fl-istess ħin, żona qawwija ta’ pressjoni għolja tinsab fuq il-Balkani.

Frar fawwar jimla l-bjar jgħid il-Malti. Madankollu r-riħ ħa post ix-xita hekk kif Frar s’issa kien ikkaratterizzat minn irjiħat qawwija b’ħafna spekulazzjonijiet ta’ maltempata oħra li se tolqot lill-gżejjer Maltin. Il-kelliem spjega li dan ir-riħ u anke l-ħalbiet tax-xita li ra Frar kienu riżultat ta’ numru ta’ sistemi ta’ pressjoni baxxa li resqu mill-Atlantiku lejn l-Ewropa.

“Huwa komuni ħafna li f’dan iż-żmien tax-xitwa jkollok diversi sistemi ta’ pressjoni baxxa li jimxu minn fuq l-Atlantiku lejn l-Ewropa u jħallu impatt fuq iċ-Ċentru tal-Mediterran. Dawn magħhom iġibu temp instabbli, ħalbiet tax-xita u normalment anke riħ qawwi,” hu spjega.

More in Kronaka