Żaqqu ratba iżda rasu iebsa: L-imwiet fl-ibħra Maltin fl-aħħar snin

106 persuni tilfu ħajjithom fil-baħar mill-2013 sal-lum fl-ibħra tal-gżejjer Maltin. F’dan l-artiklu nagħtu ħarsa lejn l-iktar każijiet li spikkaw f’dawn l-aħħar snin 

Ta’ kull sena, l-ibħra ta’ Malta jieħdu l-ħajjiet ta’ bosta għawwiema, għaddasa u persuni oħrajn li jkunu fil-viċinanzi tal-ibħra. B’kollox, mill-2013, kien hemm 106 għarqiet fatali madwar l-ibħra tal-Gżejjer Maltin.  

Mill-2019 sal-2024, il-kamra iperbarika ttrattat minn 66 sa 74 għaddas kull sena b’rabta ma’ inċidenti relatati mal-baħar.  

Mill-2014 ‘il quddiem, seħħew 31 mewta waqt l-għads, b’77% minnhom ikunu turisti. Dan ifisser illi sebgħa minn kull għaxar vittmi ta’ għarqiet huma barranin. L-aktar kawża ta’ mewt komuni f’dawn il-każijiet kienet dik b’riżultat ta’ barotrawma, fejn il-pulmuni jespandu malajr wisq waqt it-tlugħ tal-bugħaddas lura lejn wiċċ l-ilma.  

Fl-2024, il-baħar ħasad il-ħajja ta’ 17-il persuna, bi 11-il mewta minnhom ikunu f’Għawdex u Kemmuna b’riżultat ta’ għarqiet fil-baħar miftuħ. 

 

Oliwia Wojnowska (2026) 

L-iktar traġedja riċenti b’rabta mal-baħar seħħet proprju ftit jiem ilu. Fis-26 ta’ Jannar 2026, Oliwia Wojnowska ta’ 13-il sena mill-Polonja nġarret fil-baħar fiċ-Ċirkewwa, Malta.  

Hija kienet fuq il-bankina tax-xatt tan-Nofsinhar wara l-poġġamani mal-familja tagħha, illi kienu qegħdin joqogħdu f’lukanda fil-viċinanzi. B’mod traġiku, mewġa għaddiet minn fuq il-poġġamani, u ġarret lil Wojnowska fil-baħar. Missierha ta’ 49 sena u ħuha ta’ 17-il sena ntlaqtu mill-istess mewġa. Il-missier irnexxielu jżomm lil ibnu iżda ma setax jasal fil-ħin ħdejn Oliwia sabiex isalvaha.  

L-operazzjonijiet ta’ tiftix bdew dakinhar u damu għaddejjin għal madwar tlett ijiem. Il-Forzi Armati ta’ Malta użaw ħelikopters, filwaqt illi l-Protezzjoni Ċivili użat għaddasa u drones. Il-ġakketta tat-tifla ġiet misjuba fil-qrib iktar minn 24 siegħa wara l-bidu tat-tfittxija.  

Fl-għodwa tat-28 ta’ Jannar, żewġ għaddasa sabu l-katavru tagħha f’Paradise Bay. Il-missier irċieva kura għall-ġrieħi li sofra fit-tentattiv tiegħu sabiex isalva lit-tifla. Id-Deputat Prim Ministru tal-Polonja rringrazzja lill-awtoritajiet Maltin għall-ħidma tagħhom. 

 

Josianne u Jean Luca Cesare (2001) 

Fil-31 ta’ Marzu 2001, waqt ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien f’Bormla, traġedja laqtet lil John Paul Cesare. Wara li ħalla lil martu Josianne ta’ 20 sena u lil ibnu Jean Luca ta’ 18-il xahar fil-karozza tagħhom ipparkjata ħdejn ix-xatt, il-vettura b’mod inspjegabbli rrumblat fil-baħar.  

Martu u ibnu għerqu qabel ma setgħu jintervjenu s-salvataġġi hekk kif kienu maqbuda fil-vettura. Cesare, maħkum min-niket, affaċċja akkużi ta’ omiċidju involontarju iżda rċieva ħelsien kondizzjonali fl-2007, bil-Qorti tqis it-turment li għadda minnu bħala kastig suffiċjenti.  

Dik li kienet okkażjoni ferrieħa nbidlet fi traġedja, hekk kif xhieda fuq il-post iddeskrivew l-orrur filwaqt illi l-għaddasa ġibdu l-karozza minn fond ta’ għaxar metri. 

 

Tamara Psaila (2009) 

Fil-11 ta’ Lulju 2009, għadsa b’risq il-karità li kienet organizzata mill-Atlam Subaqua Club, spiċċat fatali għal Tamara Psaila ta’ 25 sena. Waqt l-għadsa fil-limiti ta’ Ta’ Fra Ben, fil-Qawra, Psaila ntilfet minn sensiha 18-il metru ’l isfel minn wiċċ l-ilma minħabba suspett ta’ emboliżmu.  

Hekk kif ittellgħet fuq l-art, Psaila ttieħdet lejn l-isptar fejn ġiet iċċertifikata mejta. Il-mexxej tal-għadsa Ivo Caruana u Joseph Formosa affaċċjaw akkużi ta’ omiċidju fuq allegat negliġenza fit-taħlitiet tal-gass, iżda dawn l-akkużi ġew irtirati wara reviżjoni mit-Tribunal.  

Il-parteċipazzjoni ta’ Psaila fl-attività kellha l-għan li tassisti kawżi lokali, iżda l-mewta traġika tagħha biddlet l-ispirtu tal-avveniment għal wieħed ta’ niket. 

 

Żewġ għaddasa Ingliżi ma’ Stephen Martin (2014) 

Fit-18 ta’ Ġunju 2014, fil-viċinanzi tad-Dwejra, f’San Lawrenz, l-istruttur tal-British Sub-Aqua Club, Stephen Martin, kien qiegħed imexxi grupp ta’ għaddasa meta kurrenti qawwija bdew jitfgħu żewġ għaddasa ġodda fil-periklu. Ħaddiema tas-salvataġġ ippruvaw jgħinuhom bis-CPR u billi ġibduhom lejn is-sigurtà, iżda għejew wisq.  

Wieħed mill-għaddasa għereq waqt li kien qiegħed jgħin lill-ieħor sabiex jasal lejn ix-xatt, filwaqt li ieħor miet waqt l-ewwel għajnuna. Martin għamel l-almu tiegħu sabiex isalva liż-żewġ għaddasa, iżda l-pulizija akkużawh li kkaġuna l-mewt tagħhom.  

Aktar tard, il-Qorti waqqgħet l-akkużi, u qalet li l-kurrenti kienu att tan-natura.” Din it-traġedja wriet kif l-għads jista’ jkun ta’ riskju partikolari għal dawk illi għadhom jibdew jipprattikawh. 

 

Patrick Vella (2015) 

Fit-28 ta’ Frar 2015, traġedja f’Bormla rriżultat fil-mewt ta’ Patrick Vella ta’ 36 sena. It-traġedja seħħet fit-tarzna ta’ Palumbo hekk kif Vella kien qed isewwi valv ta’ bieb ta’ baċir hekk kif kien 15-il metru taħt l-ilma.  

Hekk kif kienu għaddejjin it-tiswijiet, pressjoni għolja tal-ilma f’daqqa waħda ġibdet lil Vella għal ġewwa l-mekkaniżmu tal-bieb tal-baċir fejn spiċċa traġikament maqbud. L-għaddasa tas-salvataġġ għall-ewwel żammew lura, imbeżżgħin illi huma stess ikunu vittmi tal-istess ġibda. Eventwalment, l-operazzjonijiet tas-salvataġġ issoktaw u l-ġisem ta’ Vella ttella’ bla ħajja mill-baċir.  

B’rabta ma’ dan il-każ, id-diretturi tal-kumpanija Palumbo ġew akkużati bil-qtil involontarju ta’ Vella. Inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ Vella sabet illi hemm evidenza suffiċjenti biżżejjed sabiex tittieħed azzjoni kriminali fil-konfront tad-diretturi. It-traġedja li rriżultat fil-mewt ta’ Vella hija xhieda tal-perikli reali eżistenti fuq postijiet tax-xogħol industrijali bħalma huma t-tarzna. 

 

Przemysław Jan Walkiewicz (2016) 

Fl-10 ta’ April 2016, l-għaddas Pollakk Przemysław Jan Walkiewicz, ta’ 48 sena u għaddas ta’ salvataġġ b’esperjenza b’aktar minn 60 għadsa, miet waqt spedizzjoni ta’ scuba diving fi grupp ħdejn Wied iż-Żurrieq, Malta, waqt li kien sejjer lejn il-fdalijiet tal-Um El Faroud. Il-grupp, immexxi mill-għalliema Pollakka Paulina Kurowska; Master Scuba Diver Trainer b’eluf ta’ għadsiet; affaċċja kurrenti qawwija f’daqqa fi rjieħ ta’ Forza 6, u telaq madwar 700 metru ’l barra mill-kosta.  

Kurowska nnutat lil Walkiewicz jissepara mill-grupp u intervjeniet minnufih, u żgurat li l-waqfiet ta’ sigurtà ġew segwiti skont il-protokoll. Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw sitt għaddasa permezz ta’ ħelikopter, b’Walkiewicz jittella’ minn sensih wara li rċieva CPR minn sħabu.  

Kurowska affaċċjat akkużi ta’ omiċidju involontarju u allegata b’negliġenza, iżda hija ġiet illiberata fl-2018. Il-każ enfasizza r-riskji tal-għads f’ilma miftuħ f’kundizzjonijiet Maltin varjabbli, u enfasizza d-diliġenza tal-istrutturi f’nofs ibħra imprevedibbli. 

 

Koppja Pollakka (2016) 

Il-jum tas-sena l-ġdida fl-2016 inbidel fi traġedja doppja. Fl-1 ta’ Jannar 2016, mara Pollakka ta’ 50 sena nġarret minn fuq il-blat minn mewġa għolja fiż-żona magħrufa bħala Tas-Simar, fil-Qala, Għawdex.  

B’aġir imfaħħar bħala wieħed erojku, is-sieħeb tagħha ta’ 51 sena qabeż fil-baħar sabiex isalvaha, iżda huwa għereq ukoll.  

Il-Forzi Armati ta’ Malta kienu msejħin fuq il-post sabiex jassistu lill-koppja, iżda huma ġew iċċertifikati mejta fuq il-post, kif il-koppja nġibdet taħt l-ilma minn kurrenti qawwija. 

 

Neil Zammit (2018) 

Fit 3 ta’ Settembru 2018, l-għaddas żagħżugħ Neil Zammit, ta’ 20 sena minn Malta, għeb waqt għadsa rikreattiva ħdejn Baħar iċ-Ċagħaq. Huwa tfaċċa fil-wiċċ sabiex jikseb l-ossiġnu iżda nfired minn ma’ sieħbu li kien qiegħed jakkumpanjah waqt l-għadsa minħabba kurrenti ħfief. It-timijiet tas-salvataġġ bagħtu dgħajjes tal-armata, għaddasa tal-pulizija, u ħelikopters fiż-żona bl-għan illi jfittxu lil Zammit.  

Hekk kif it-tfittxija damet għaddejja għal ġurnata sħiħa, Zammit instab mejjet u ttella’ fuq l-art.  

Filmat mill-kamera GoPro li kellu fuqu waqt l-għadsa wera li kien fi stat ta’ paniku taħt l-ilma. Il-pulizija eskludiet il-possibbiltà ta’ reat b’rabta ma’ din it-traġedja. 

 

Krzysztof Białecki u Domnik Dubaj (2024) 

Fis-6 ta’ Lulju 2024, żewġ għaddasa Pollakki mietu wara għadsa fuq il-fdalijiet Le Polynesien ’il barra minn Żonqor Point, Marsaskala. Krzysztof Białecki, ta’ 48 sena, mir-Renju Unit u fundatur tal-klabb Diving Explorers, għaddas ma’ Dominik Dubaj, ta’ 45 sena.  

It-tnejn kienu esperjenzati. F’fond ta’ 60 metru, Dubaj sab ruħu fl-inkwiet fil-kurrent qawwi. Białecki mar sabiex jassistih, u huma sejħu għall-għajnuna mill-Forzi Armati ta’ Malta. Timijiet ta’ salvataġġ wasslu liż-żewġ għaddasa lejn l-art, fejn il-paramediċi bdew jagħtu l-għajnuna minnufih. L-ambulanzi ħaduhom malajr lejn l-isptar, iżda Dubaj u Białecki mietu ftit wara l-wasla.  

Din kienet it-tielet u r-raba’ mewta ta’ Malta minħabba għads dik is-sena. 

 

Darrel Nicholas Pascoe (2024) 

Fit-12 ta’ Ottubru 2024, Darrel Nicholas Pascoe ta’ 66 sena mill-Gran Brittanja miet wara għadsa fuq il-fdalijiet tad-dgħajsa tal-għassa P29 fiċ-Ċirkewwa f’Malta.  Dakinhar, huwa kien parti minn grupp iggwidat, u niżel bla xkiel sakemm esperjenza problemi fil-ħin meta wasal sabiex jitla’ lura fil-wiċċ.  

Hekk kif tela’ qrib il-linja tat-tlugħ, deher ippanikjat u bla nifs minħabba l-effetti tad-dekompressjoni li kienet qed tinbena malajr waqt it-tlugħ. Sħabu qabduh malajr, tawh l-ossiġnu u l-ewwel għajnuna fil-post filwaqt illi ċemplu għall-għajnuna bir-radju, iżda qalbu kienet bdiet tieqaf tħabbat qabel ma xi ħadd seta’ jistabbilizzah kompletament.  

L-ekwipaġġ sejjaħ lis-salvataġġi malajr, u ambulanza ħaditu l-isptar fejn huwa ġie ċċertifikat mejjet minkejja t-tentattivi ta’ trattament iperbariku fil-kamra. Il-mexxej tal-grupp affaċċja mistoqsijiet rigward prekawzjonijiet qabel l-għadsa, iżda huwa ma ġie akkużat bl-ebda reat fl-investigazzjoni. 

More in Kronaka