Akademiċi jwissu dwar impatt ta’ deċiżjonijiet fuq LSEs u l-edukazzjoni inklussiva

Akademiċi mid-Dipartiment tal-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fl-Università ta’ Malta wissew dwar l-effett ta’ deċiżjoni riċenti tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fuq l-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-Learning Support Educators.

Grupp ta’ akkademiċi mid-Dipartiment tal-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fl-Università ta’ Malta esprimew tħassib serju dwar deċiżjoni riċenti tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni, Vincent De Gaetano, li tikkonċerna s-sistema attwali tas-seniority tal-Learning Support Educators (LSEs).

Fi stqarrija pubblika, l-akkademiċi qalu li għalkemm l-esperjenza fil-qasam edukattiv hija importanti u għandha tiġi rikonoxxuta, din ma tistax qatt tissostitwixxi t-taħriġ professjonali u l-kwalifiki formali, speċjalment f’qasam sensittiv li jinvolvi tfal u żgħażagħ vulnerabbli b’diżabilità jew b’ħtiġijiet edukattivi addizzjonali.

Id-deċiżjoni tal-Kummissarju tiddikjara li s-sistema attwali tas-seniority, li tagħti prijorità lill-kwalifiki tal-LSEs fuq is-snin ta’ esperjenza, hija diskriminatorja u illegali. Madankollu, l-akkademiċi sostnew li dan l-argument jonqos milli jqis l-importanza kruċjali tal-preparazzjoni professjonali fil-qasam tal-edukazzjoni inklussiva.

Skont l-istqarrija, l-LSEs għandhom rwol ċentrali fl-edukazzjoni inklussiva, billi jaħdmu direttament ma’ studenti b’diżabilità u b’ħtiġijiet addizzjonali, u jipprovdu appoġġ akkademiku, soċjali u emozzjonali personalizzat. Għalhekk, il-kwalità tal-edukazzjoni li jirċievu dawn l-istudenti tiddependi direttament kemm fuq l-esperjenza kif ukoll fuq it-taħriġ professjonali tal-edukaturi li jkunu qed jaħdmu magħhom.

L-akkademiċi esprimew tħassib ukoll dwar in-nuqqas ta’ diskussjoni dwar l-impatt li jista’ jkollha l-ħatra ta’ persuni mingħajr kwalifiki professjonali adegwati f’pożizzjonijiet ta’ learning support. Skonthom, edukazzjoni inklussiva ma tfissirx biss aċċess u preżenza fl-iskola, iżda l-kwalità tal-appoġġ li jingħata lill-istudenti.

Fl-istqarrija tagħhom, huma wissew li deċiżjonijiet li jnaqqsu l-valur tat-taħriġ professjonali fl-appoġġ edukattiv mhumiex sempliċement kwistjonijiet amministrattivi, iżda jirrappreżentaw pass lura serju għall-edukazzjoni inklussiva. Dan, sostnew, jista’ jitqies bħala nuqqas ta’ rispett lejn studenti b’diżabilità u l-familji tagħhom.

L-istqarrija ġiet iffirmata minn Dr François Mifsud, Kap tad-Dipartiment tal-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fl-Università ta’ Malta.

 

More in Kronaka