Ir-riħ mistenni jbatti sew minn tard waranofsinhar

Wara sigħat ta’ riefnu qawwi fuq il-Gżejjer Maltin, il-kundizzjonijiet tat-temp huma mistennija jibdew jitjiebu minn wara nofsinhar, bil-qawwa tar-riħ tonqos b’mod sinifikanti u t-twissija l-ħamra tinżel għal waħda oranġjo

Ritratt: James Bianchi/Illum
Ritratt: James Bianchi/Illum

Il-qawwa intensa tar-riħ li laqtet lil Malta u Għawdex matul l-aħħar sigħat mistennija tibda tonqos b’mod gradwali minn tard waranofsinhar, hekk kif il-maltemp magħruf bħala Harry qed jitbiegħed mir-reġjun.

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku, sa mill-ħinijiet ta’ filgħaxija, ir-riħ għandu jonqos b’rata relattivament mgħaġġla, u mistenni jsir moderat lejn is-sigħat tard tal-lejl. Id-direzzjoni tiegħu se tinbidel gradwalment lejn il-Punent il-Lbiċ, b’kundizzjonijiet li xorta waħda jistgħu jibqgħu kemxejn qawwija f’ċerti mumenti.

Bħalissa, iċ-ċentru tal-pressjoni jinsab fuq il-Golf ta’ Gabes u matul il-jum huwa mistenni jimxi lejn it-Tramuntana, billi jgħaddi fuq iż-żoni tat-Tramuntana tat-Tuneżija. Dan il-moviment mistenni jikkontribwixxi għal tnaqqis aktar notevoli fil-qawwa tar-riħ, b’mod partikolari matul il-lejl li ġej.

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, it-twissija ta’ temp sever ta’ livell aħmar ser tiġi imnaqqsa għal twissija oranġjo. Madankollu, l-awtoritajiet qed ikomplu jħeġġu lill-pubbliku biex jevita ż-żoni kostali u postijiet esposti għar-riħ, peress li r-riskji għadhom preżenti. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sat-8:00 pm, b’possibbiltà li tiġi estiża skont l-andament tat-temp.

Matul il-ġurnata, it-temp mistenni jibqa’ instabbli, b’sħab mifrux, xita sporadika u preżenza ta’ trab fl-arja. Fil-fatt, l-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha ġiet irreġistrata ftit wara s-7:00 ta’ filgħodu, meta r-riħ laħaq qawwa ta’ madwar 50 knot.

Meta wieħed iħares lejn il-jiem li ġejjin, it-tbassir jindika li t-temp se jibqa’ fil-biċċa l-kbira msaħħab, b’ħalbiet iżolati tax-xita possibbli. Il-Ħamis jista’ jerġa’ jġib miegħu perjodu qasir ta’ riħ aktar qawwi, filwaqt li t-trab fl-arja mistenni jonqos gradwalment minn nhar l-Erbgħa u jitneħħa għal kollox sa nhar il-Ġimgħa.

Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ jibqa’ aġġornat billi jsegwi t-twissijiet u r-rapporti uffiċjali tat-temp maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku għal Malta u Għawdex.

More in Kronaka