Il-PN jikkundanna kull tentattiv ta’ ġustifikazzjoni ta’ fastidju sesswali

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-fastidju sesswali ma jista’ qatt jiġi minimizzat jew iġġustifikat, u jikkritika bl-aħrax l-użu ta’ pjattaformi tal-media biex titnaddaf ir-reputazzjoni ta’ persuni misjuba ħatja mill-qrati

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna bla riservi kull forma ta’ ġustifikazzjoni jew minimizzazzjoni ta’ fastidju sesswali, u saħaq li każijiet bħal dawn jikkawżaw trawma li ma tintemmx mas-sentenza tal-qorti. Skont il-PN, kull attentat biex l-aġir ta’ aggressur jiġi skużat jew iġġustifikat ifisser aggressjoni oħra fuq il-vittma.

F’stqarrija, il-partit iddeskriva bħala kundannabbli l-mod kif il-preżentatur Ricky Caruana uża podcast tiegħu – li hu sponsorjat, fost l-oħrajn, minn aġenzija tal-Gvern – biex ta pjattaforma lil persuna li nstabet ħatja ta’ fastidju sesswali, bil-għan li tipprova tnaddaf ir-reputazzjoni tagħha.

Il-PN fakkar li r-rwol tal-media hu li teduka, tinforma u tipprovdi divertiment, iżda mhux li tipprova tnaddaf l-isem ta’ persuni li jkunu instabu ħatja ta’ reati. Żied jgħid li l-fatt li Caruana huwa wkoll xandar fuq ix-Xandir Pubbliku jfisser li għandu responsabbiltajiet akbar, anke meta ma jkunx qed ixandar fuq l-istazzjon pubbliku – responsabbiltajiet li, skont il-partit, mhux qed iġorr kif mistenni minn preżentatur serju u responsabbli.

Il-partit irrimarka li din mhix l-ewwel darba li l-istess preżentatur esprima fehmiet meqjusa bħala miżoġinisti u ta’ detriment għan-nisa. Saħansitra f’każijiet preċedenti, diversi għaqdiet tan-nisa u organizzazzjonijiet oħra, fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u l-Malta Women’s Lobby, kienu diġà kkundannaw l-aġir tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li f’pajjiż żviluppat fl-2026, opinjonijiet bħal dawn m’għandhomx posthom fuq l-ebda tip ta’ media. Fl-istess waqt, appella għal użu aktar responsabbli tal-media soċjali, fid-dawl tal-influwenza qawwija li għandhom fuq l-opinjoni pubblika.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku.

More in Kronaka