Cyrus Engerer jappella biex tintemm l-unanimità fid-deċiżjonijiet tal-UE

Engerer argumenta li r-regola tal-unanimità qed tipparalizza d-deċiżjonijiet tal-UE u jwissi li l-Ewropa għandha b’mod urġenti ssaħħaħ il-kapaċità tagħha ta’ difiża f’ordni dinji li qed jinbidel

Ritratt: James Bianchi/Illum
Ritratt: James Bianchi/Illum

L-eks Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer appella biex tintemm is-sistema tal-unanimità fid-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, waqt li esprima frustrazzjoni qawwija dwar l-inkapaċità tal-blokk li jaġixxi b’mod effettiv f’dak li sejjaħ “ordni dinji ġdid”.

F’post twil fuq Facebook, Engerer spjega r-raġunijiet wara l-vot tiegħu favur it-tmiem tal-unanimità, u ddeskriva s-sistema preżenti bħala “disinn garantit li jonqos”.

“Is-sistema attwali hija strutturalment miksura. Stat Membru wieħed biss jista’ jimblokka azzjoni għal kulħadd. Kultant l-oġġezzjonijiet huma leġittimi. Ħafna drabi le. L-imġiba ta’ Viktor Orbán illum hija eżempju ċar,” kiteb Engerer.

L-eks MEP Laburista, li llum hu kritiku tal-Partit Laburista, reġa’ tenna wkoll l-appell tiegħu biex l-UE tiżviluppa kapaċità ta’ difiża tagħha stess, u sostna li d-dipendenza fuq in-NATO, speċjalment fiċ-ċirkostanzi attwali, m’għadhiex sensibbli.

“Il-valuri kondiviżi bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti darba kienu meqjusa bħala fatt. Illum mhumiex. Meta l-valuri jiddevjaw, id-dipendenza ssir vulnerabbiltà. Din il-vulnerabbiltà taffettwa kull pajjiż Ewropew, inkluża Malta,” qal Engerer.

Huwa rrefera wkoll għad-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li jirtira lill-Istati Uniti minn 66 aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti u entitajiet internazzjonali oħra. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan iddeskriva dawn l-istituzzjonijiet bħala “ridundanti fl-iskop tagħhom, immaniġġjati ħażin, mhux meħtieġa” u “ħela ta’ flus”.

Skont Engerer, dawn il-mossi juru għażla ċara minn waħda mill-aktar pajjiżi b’saħħithom fid-dinja li timxi lejn triq ta’ “iżolament, koerċizzjoni u l-loġika tal-bullying minflok il-kooperazzjoni”.

Engerer fakkar ukoll li Greenland, territorju li jappartjeni lil stat membru tal-UE u tan-NATO, bħalissa tinsab fil-mira tad-diskors politiku tal-President Amerikan, fatt li hu qal li jkompli jsaħħaħ il-bżonn li l-UE tibni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha stess ta’ difiża.

More in Kronaka