Applikazzjoni ta’ ppjanar li tressqet f'isem omm is-sindku tar-Rabat, Brian Azzopardi tipproponi li titwaqqa’ proprjetà f'kantuniera mingħajr valur ta’ wirt u tinbidel fi blokk ta’ appartamenti ta’ ħames sulari.
Il-proġett jipprevedi żewġ ħwienet fil-livell tat-triq, sitt appartamenti fuq l-ewwel tliet sulari, u sular irtirat bil-pixxina. Il-bini jinsab bejn Triq il-Kappuccini – il-karreġġjata li twassal lejn is-supermarket G&R f'Marsalforn – u Triq Mattia Preti.
Jekk jiġi approvat, l-iżvilupp iħalli ħajt vojt fuq il-parti tal-kantuniera, element li diġà qed iqajjem tħassib fost dawk li jsegwu l-iżvilupp f’Għawdex minħabba l-bidla fil-proporzjon mal-binjiet tradizzjonali fl-inħawi.
Azzopardi: “Id-dar inbigħet lil żviluppatur; ma kellna x’naqqsmu xejn mal-applikazzjoni”
Meta kien ikkuntattjat mill-gazzetta oħt, MaltaToday, Azzopardi qal li l-proprjetà nbiegħet lil żviluppatur u attwalment tinsab taħt konvenju. Huwa sostna li la hu u lanqas il-familja tiegħu ma kienu involuti fil-proċess tal-applikazzjoni, u li l-ismijiet tal-omm intużaw biss għaliex teknikalment għadha hija s-sid tal-bini.
Azzopardi spjega li l-konvenju ġie ffirmat fi Frar u mhuwiex marbut mal-applikazzjoni tal-ippjanar. Insista wkoll li l-proġett “jaqa’ fil-limiti tal-pjan lokali”, iżda ma riedx jiżvela l-identità ta' l-iżviluppatur.
Huwa żied jgħid li sar jaf bl-applikazzjoni biss “ftit jiem ilu” meta xi ħadd staqsieh dwarha.
L-applikazzjoni, imressqa f’Ġunju, ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.
Madankollu, fl-evalwazzjoni tagħha, is-superintendent tal-kultura (SCH) qalet li ż-żona tifforma parti minn streetscape li għadu ċar u koerenti fil-proporzjonijiet tiegħu. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-ebda valur storiku ma huwa attribwit lid-dar eżistenti, l-SCH esprimiet “ċertu tħassib” dwar l-impatt li l-iżvilupp jista’ jkollu fuq veduti miċ-Ċittadella, li tinsab fil-Lista Tentattiva tal-UNESCO.
B’dan f’moħħha, l-SCH talbet diversi ritratti minn diversi angoli sabiex tevalwa l-viżibilità u l-impatt viżwali tal-proġett — li ntbagħtu mill-Perit responsabbli.
Il-perit ippreżenta wkoll dokumentazzjoni li turi li hemm tmien żviluppi impenjati jew approvati fil-qrib bi heights simili, inkluż żvilupp fuq ħames sulari approvat reċentement ftit metri ’l bogħod fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq il-Kappuccini. Dak il-permess kien ingħata f’diversi fażijiet u ngħata l-approvazzjoni finali f’Mejju.