Kors obbligatorju ta’ integrazzjoni għall-ħaddiema barranin

Il-kors se jkopri diversi suġġetti fosthom il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, il-parteċipazzjoni ċivika, l-għarfien legali u tas-sigurtà, l-iżvilupp personali u professjonali, u d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala kerrejja

Ritratt:DOI
Ritratt:DOI

Ħaddiema minn pajjiżi terzi se jkollhom jieħdu sehem f’kors ta’ integrazzjoni ta’ 20 sessjoni jekk iridu jġeddu l-permess tax-xogħol tagħhom għal aktar minn sena, bħala parti mit-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-Malta Labour Migration Policy.

Il-kors, li se jiġi mgħallem minn istituzzjonijiet liċenzjati, jista’ jvarja bejn 40 u 42 siegħa ta’ tagħlim u jkopri temi relatati mal-kultura Maltija, il-parteċipazzjoni ċivika, il-liġi u s-sigurtà, l-iżvilupp personali u professjonali, u t-tagħlim tal-Malti u tal-Ingliż.

L-applikanti se jingħataw tagħrif ukoll dwar kif jgħixu ħajja attiva f’Malta, kif jimmaniġġjaw il-baġit personali, kif taħdem id-demokrazija f’Malta u x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala kerrejja.

Min jlesti b’suċċess dan il-kors ikun intitolat jestendi l-perjodu ta’ tiġdid tal-permess sa massimu ta’ tliet snin, skont ix-xogħol li jkollhom.

Kors qabel jaslu Malta għall-ewwel darba

Se jitwaqqaf ukoll kors għal min japplika għall-ewwel darba għal permess uniku. Dan jinkludi żewġ modules online dwar għajxien u xogħol f’Malta u drittijiet fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ intervista diretta biex tiġi verifikata l-lingwa u l-fehim.

Il-kors jiswa €250 u jista’ jitlesta permezz tal-portal Skills Pass, li jiftaħ formalment fis-5 ta’ Jannar 2026. Identità tibda tivverifika ċ-ċertifikati mill-1 ta’ Marzu 2026.

Għal ċerti setturi bħat-turiżmu u l-ospitalità, mitluba taħriġ speċifiku addizzjonali.

Jobsplus se tivverifika l-idoneità tax-xogħol

Kull applikant se jgħaddi minn verifika indipendenti tal-idoneità, ibbażata fuq il-kwalifiki meħtieġa u dokumentazzjoni ta’ appoġġ. Jobsplus tista’ tiċħad talbiet li ma jipprovdux biżżejjed evidenza tal-ħiliet tax-xogħol.

Tiġdid għal aktar minn sena

Wara sena xogħol f’Malta, ħafna ħaddiema minn pajjiżi terzi jistgħu jġeddu l-permess għal aktar minn sena. Il-miżata ta’ tiġdid tkun ta’ €150 fis-sena.

Taħt skemi bħal Key Employment Initiative, Specialist Employment Initiative u Blue Card, jista’ jingħata tiġdid sa tliet snin.

Il-ħaddiema f’oqsma b’ħiliet għoljin jistgħu jingħataw tiġdid ta’ sentejn jekk ikollhom kuntratt ta’ sentejn jew aktar, filwaqt li dawk f’livelli aktar baxxi jistgħu wkoll ikollhom sa sentejn tiġdid taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-gvern se jsaħħaħ ukoll l-infurzar kontra sfruttament tax-xogħol, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ ħlasijiet lil min iħaddem għall-ingaġġ jew iż-żamma tax-xogħol. Min jikser din ir-regola jista’ jiġi miċħud milli jimpjega barranin.

More in Kronaka