Miet Francis Zammit Dimech ta' 70 sena

Francis Zammit Dimech kien veteran tal-Partit Nazzjonalist, fejn serva ta' Ministru b'diversi dekasteri u Membru tal-Parlament Ewropew • Il-funeral tiegħu ħa jsir nhar il-Ħamis, 24 ta' April, fis-2pm fil-Knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, fil-Balluta

Francis Zammit Dimech (Ritratt: James Bianchi)
Francis Zammit Dimech (Ritratt: James Bianchi)

Il-veteran tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech miet ta’ 70 sena.

Zammit Dimech, li kien jaħdem t'avukat wara li ggradwa mill-Università ta’ Malta fl-1979, kien attiv fil-politika minn età żgħira. Huwa kkontesta l-elezzjoni ġenerali fl-1987 u baqa’ jikkuntesta mal-PN sal-2017.

Matul il-karriera tiegħu, kellu diversi dekasteri taħt idejh, fosthom dawk tat-trasport, l-ambjent, l-infrastruttura, u t-turiżmu. Serva wkoll bħala Membru tal-Parlament Ewropew bejn l-2017 u l-2019.

Fl-2020, ġie maħtur Segretarju Ġenerali tal-PN, kariga li żamm sal-2021, fejn ukoll kien chairman tal-midja tal-partit, Media Link Communications.

Qabel ma miet, Zammit Dimech kellu l-kariga ta’ President Aġent ta’ Malta.

F’waħda mill-aħħar dehriet tiegħu fuq it-televiżjoni, fi Frar tal-2025, Zammit Dimech kien intervistat fuq Xtra fuq TVM, fejn tkellem dwar ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-Palestinjani.

Reazzjonijiet għall-mewt tiegħu

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iddeskrivieh bħala “politiku ġentlom li kien ta’ servizz kbir u għal għexieren ta’ snin għal pajjiżna, għall-poplu Malti kollu, għal ġenerazzjonijiet varji, għall-kostitwenzi u għall-Partit Nazzjonalista.”



“Francis serva b’lealtà kbira f’kull kariga li kien fdat biha,” qal Grech, u żied li Zammit Dimech kien dejjem lest jagħti parir u biex jgħin.

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono qalet li kien politiku li “kiseb ir-rispett ta' dawk kollha li ħadmu miegħu, irrispettivament mill-fehmiet politiċi”.



Spiteri Debono kompliet tfaħħar id-dedikazzjoni ta' Zammit Dimech lejn is-servizz pubbliku billi qalet li “baqa' jservi lill-pajjiż anke meta kien għaddej minn perjodu diffiċli ta' saħħa, fil-kariga ta' Aġent President.”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ddeskrivietu bħala “ġentlom, leali, onest, [u] ħabib” u rringrazzjatu tal-“pariri siewja li għadhom validi sal-lum” li taha meta kienet qed tikkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni bħala Membru tal-Parlament Ewropew.



“Francis kien il-personifikazzjoni ta’ bniedem li ddedika ħajtu kollha għas-soċjetà Maltija u għall-poplu Malti u Għawdxi,” qalet Metsola.

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irreaġixxa għall-aħbar u ddeskrivieh bħala “politiku ġentlom, sod fl-argumenti tiegħu iżda ġentili u rispettuż fil-manjieri u l-atteġġjament tiegħu” u bħala persuna li ħabbet lill-pajjiżha.



Żied jgħid li “Malta tibqa' grata għas-servizz tiegħu.”

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li d-deċennji li Zammit Dimech qatta fis-servizz pubbliku kienu “mmarkati mill-integrità u l-impenn sod tiegħu lejn id-demokrazija Maltija.” Huwa wassal il-kondoljanzi tiegħu f’isem il-Membri Parlamentari kollha lill-familja u l-maħbubin ta’ Zammit Dimech.

Il-funeral u kif wieħed jista' jagħti l-aħħar tislima lil Zammit Dimech

Zammit Dimech se jkun qed jingħata l-Aħħar Tislima f’ċelebrazzjoni għal ħajtu l-Ħamis li ġej, 24 ta’ April, fis-2pm fil-Knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, fil-Balluta.

Barra minn hekk, bejn illum u għada, il-Partit Nazzjonalista se tiftaħ id-Dar Ċentrali għall-pubbliku biex kull min jixtieq ikun jista’ jsellem lil Zammit Dimech billi jikteb messaġġ fil-ktieb tal-kondoljanzi.

Għal kull min jixtieq jagħti ġieħ lill-memorja ta' Zammit Dimech, id-Dar Ċentrali se tkun miftuħa minn nhar it-Tlieta, 22 ta' April, bejn nofsinhar u t-8pm, kif ukoll nhar l-Erbgħa, it-23 ta' April, bejn id-9am u t-8pm.

More in Kronaka