Uffiċjal ta' Transport Malta sofra ġrieħi gravi wara li għall-ħabta tan-12:30am, kien involut f'inċident tat-traffiku f'Birkirkara.
L-inċident seħħ fi Triq Dun Karm u minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Yaris Cross misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti San Pawl il-Baħar, Skoda Citigo misjuqa minn raġel ta’ 41 sena residenti Tas-Sliema u mutur BMW tal-Awtorità ta’ Transport Malta.
L-uffiċjal, li għandu 44 sena ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b'ambulanze, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.