Żewġt irġiel bi ġrieħi gravi u tnejn oħra jweġġgħu ħafif wara splużjoni fuq dagħjsa

L-inċident seħħ it-Tlieta għall-ħabta tat-2:45pm vfuq dagħjsa li kienet viċin iċ-Ċirkewwa

Erba' persuni ttieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu involuti f'inċident fuq dagħjsa viċin iċ-Ċirkewwa it-Tlieta waranofsinhar. 

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2:45pm, fejn il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha. Wara li l-Pulizija marret fuq il-post, stħarriġ preliminari rriżulta li erbat irġiel; tlieta ta’ 26 sena mill-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u l-Iklin rispettivament kif ukoll wieħed ta’ 29 sena mis-Siġġiewi sofrew xi ħruq wara splużjoni tal-gass fuq id-dagħjsa waqt li kienu qed isajru.

Magħhom kien hemm ukoll raġel ta' 27 sena li jgħix Ħal Qormi u raġel ta’ 34 sena min-Naxxar li ma’ sofrew ebda ġrieħi.

Il-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna minn membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar u tim mediku, u huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika. 

Aktar tard, żewġt irġiel ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li tnejn oħra sofrew ġrieħi ħfief. Fuq il-post kien hemm ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka